Internazzjonali

Titjieb is-sitwazzjoni fil-fruntieri bejn il-Libja u t-Tuneżija

Is-sitwazzjoni fuq il-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija tidher li qed tmur għall-aħjar, hekk kif eluf ta’ Eġizzjani tħallew jaqsmu lejn it-Tuneżija wara li nżammu għal jiem sħaħ fil-Libja. Madwar 6,000 Eġizzjan inħabru qrib il-postazzjoni tal-fruntiera ta’ Ras Jedir. L-awtoritajiet Tuneżini ma ħallewx lill-Eġizzjani jidħlu fil-pajjiż sakemm ma jkollhomx arranġament jibqgħu sejrin dritt lejn l-Eġittu.

Uffiċjali tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar qalu li s-sitwazzjoni umanitarja qed tiggrava, hekk kif eluf kienu maqbuda fid-deżert Libjan taħt xemx tisreġ mingħajr ikel u xorb għal numru ta’ jiem sakemm l-awtoritajiet ħallew lill-aġenziji jqassmu provvisti. Issa, il-Gvern Eġizzjan organizza numru ta’ titjiriet biex mijiet ta’ Eġizzjani li nqabdu fil-Libja qed jitħallew jaqsmu l-fruntiera u jaqbdu coaches lejn l-Ajruport ta’ Djerba. Il-Ministru Eġizzjan tal-Avjazzjoni Hossam Kamal qal li kważi 2,200 persuna diġà kienu trasferiti matul tmiem il-ġimgħa.

Sadanittant, għadhom deħlin rapporti ta’ ġlied bejn milizzji rivali fi Tripli u f’Bengażi, fil-lvant tal-Libja.