Qorti

Uża’ postijiet li kera bħala ‘massage parlour’ minflok biex jgħix u ristorant

De Quan Fang, ta’ 52 sena li ilu jgħix Malta għal snin twal u qed jiġi akużat bi traffikar ta’ persuni u li kien qed imexxi tliet postijiet tal-massaġġi li kienu joffru ‘servizz komplu’, kien kera tnejn mit-tliet postijiet li kellu biex jgħix għal stabbiliment tal-ikel u mhux bħala massage parlours. Meta llum kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, xehdu s-sidien tal-postijiet fejn allegatament saru dawn il-massaggi, li kkonfermaw li kienu krew il-post għal sena.

De Quan Feng, residenti San Pawl il-Baħar, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar ta’ umani u li qala’ l-flus mill-prostituzzjoni. It-tliet postijiet mikrija mill-akkużat jinsabu f’Santa Venera, f’Raħal Ġdid u fir-Rabat, fejn kienu qed jaħdmu tfajliet Ċiniżi.

Fil-Qorti xehdet Kurċifissa Pisani mir-Rabat, li qalet li lill-akkużat tafu għax krietlu post fir-Rabat. Qalet li kritulu għax riedu biex jagħmel użu personali minnu. Qalet ukoll li l-post kritulu fit-2 ta’ Mejju li għadda u esebiet il-kuntratt biex tikkonferma dan. Hi kompliet tgħid li kienet titħallas mingħand ċertu Raymond u l-akkużat qatt ma ħallasha hu tal-kiri. Qalet li qatt ma daħlet fil-post meta kien mikri u għalhekk ma tafx għal liema skop kien qed jużah. Qalet li lil De Quan Feng, hi tafu bħala Jerry, kif ukoll li ma tafx minn min hu Raymond għalkemm taħseb li hu Ċiniż. L-aħħar ħlas irċvietu fis-7 ta’ Lulju.

Wara xehed Alex Pace, li qal li lill-akkużat, li wkoll jafu bħala Jerry, ilu jafu għal dawn l-aħħar 20 sena. Tenna li krielu post f’Santa Venera. Għall-bidu, Jerry kien juża’ dan il-post biex ibigħ l-ikel Ċiniż, iżda mbagħad biddlu f’post fejn isiru l-massaġġi. Jerry kien iħallsu tal-kera.

Tela’ jixhed ukoll l-Avukat Anthony Calleja, f’isem il-klijent tiegħu Louis Aqulina. L-Avukat Calleja qal li l-klijent tiegħu għandu 91 sena u ma jistax jimxi. Anke hu kien kera post lill-akkużat.

L-Ispettur Sylvana Briffa qalet li Aqulina m’għandux għalfejn jixhed u jkun biżżejjed li jesebixxi l-kuntratt. L-Avukat Calleja esebixxa l-kuntratt tal-klijent tiegħu, bil-każ issa jkompli jinstema’ fil-15 ta’ Settembru li ġej.