Fl-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta mad-delitt ta’ Mario Camilleri, magħruf bħala l-“Imnieħru”, u ibnu Mario, ġiet mgħarbula madwar 88 tunellata ta’ ħamrija. Dan biex l-evidenza kollha tkun protetta u mittiefsa mill-anqas.
L-Ispettur Raymond Cassar żvela dan id-dettall meta kompliet tinstema l-kumpilazzjoni taż-żewġt irġiel mixlijin b’dan il-qtil doppju.
Jason Galea ta’ 40 sena minn Birżebbuġa u George Galea ta’ 42 sena minn San Ġiljan qed jiġu mixlijin bil-qtil ta’ Camilleri l-missier, li kellu 51 sena, u ta’ ibnu Mario wkoll li kellu 21 sena. Jason Galea jiġi ħu l-mara ta’ Camilleri l-missier u z-ziju ta’ Camilleri l-iben.
L-Ispettur Cassar qal li huwa kien nominat mill-Maġistrat inkwerenti biex jikkoordina l-ħidma tal-uffiċjali forensiċi li kienu qegħdin jinvestigaw ix-xena tad-delitt.
Huwa qal li kienet magħżulha jew aħjar mgħarbula 88 tunellata ta’ ħamrija biex issir tfittxija għall-għadam wara li fuq il-post irriżulta li kienu nstabu l-katavri taż-żewġ vittmi. Xehed ukoll il-Brigadier Maurice Calleja li flimkien mas-Surġent Christopher Harmsworth ħejjew ir-rapport tagħhom dwar il-każ fil-kapaċita’ tagħhom ta’ esperti ballistiċi.
Calleja qal li Camilleri l-iben kellu żewġ tiri, wieħed f’rasu u l-ieħor f’żaqqu, barra diversi daqqiet ta’ sikkina. Huwa semma wkoll kif fl-għalqa fejn instabu l-katavri ta’ Camilleri kien hemm diversi skrataċ u ‘bullet heads’ li kienu sparati mill-istess arma, anke jekk arma tat-tip Gloch li wkoll instabet fuq il-post ma jirriżultax li nstabu balal fl-istess għalqa li jindikaw li kienu sparati minnha.
Xhud ieħor kien l-Ispettur James Grech, mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Huwa qal li wara d-difna ta’ Camilleri u ibnu ġie ordnat biex ma’ uffiċjali oħrajn tal-Pulizija biex imorru fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex jaqilgħu l-katavru ta’ Mario Camilleri l-missier ħalli tkompli l-investigazzjoni fuqu.
B’rabta ma’ dan, l-Avukat Joe Brincat informa lill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, f’isem il-familjari tal-vittmi, li l-mara ta’ Mario Camilleri il-missier, tixtieq li l-katavru ta’ żewġha jiġi rilaxxat biex tkun tista’ tidfnu.
Dwar dan il-Maġistrat Micallef Trigona qal li l-katavru jista’ jiġi rilaxxat biss bl-awtorizzazzjoni tal-Maġistrat inkwirenti, jiġifieri min mexxa l-inkejsta.
Xehed ukoll l-Ispettur Melvin Camilleri li ippreżenta rapport li sar fl-Għassa ta’ Birżebbuġa dwar l-għibien ta’ Matthew Zahra, ix-xufier tat-taxi li fdalijiet tiegħu nstabu fl-istess għalqa fejn instabu Camilleri.
Xhieda oħra kienu l-Kuntistabbli Matthew Parnis li ġibed ritratti ta’ karozza li allegatament kienet involuta fil-każ, il-Perit Richard Aquilina li ħejja pjanta dwar l-għalqa fejn instabu t-tliet katavri u l-Kuntistabbli Jeffrey Hughes u Charlot Casha li ppreżentaw rapport dwar it-testijiet għal traċċi ta’ demm li għamlu fuq diversi oġġetti relatati mal-qtil doppju.
Il-każ ikompli fis-17 ta’ Settembru li ġej. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Chris Pullicino u Michael Mallia filwaqt li l-Avukati Giannella de Marco u Joseph Giglio deheru għall-akkużati.
//= $special ?>
