Internazzjonali

Ajruplan tal-Qatar Airways eskortat minn ajruplani militari wara biża’ ta’ mekkaniżmu splussiv

Ajruplani militari Ingliżi tar-Royal Air Force intalbu jeskortaw ajruplan tal-passiġġieri lejn l-Ajruport ta’ Manchester wara rapporti li abbord seta’ kien hemm xi mekkaniżmu perikoluż relatat ma’ splużjonijiet. Ir-rapport dwar dak li allegatament kien hemm abbord l-ajruplan mil-linja tal-ajru Qatar Airways sar mill-pilota.

It-tmexxija tal-Pulizija f’Manchester trattaw il-każ bħala wieħed ta’ “emerġenza massima”, b’uffiċjali armati tal-Pulizija telgħu abbord mal-inżul. Huma arrestaw raġel suspettat li għamel theddid falż ta’ bombi.

Abbord l-ajruplan Airbus A330-30 kien hemm 269 passiġġier u 13-il membru tal-ekwipaġġ. Il-passiġġieri tniżżlu mill-ajruplan bil-metodi “normali” sakemm bdiet il-ħidma ta’ emerġenza. Dan l-inċident wassal ukoll biex it-titjiriet kollha li kellhom joħorġu jew jidħlu fl-Ajruport ta’ Manchester ġew sospiżi għal madwar 25 minuta.