Lokali Qorti

Daphne Caruana Galizia b’libell kontra Toni Abela u Aaron Farrugia

L-artikolista u opinjonista Daphne Caruana Galizia ppreżentat proċeduri kontra l-Avukat Toni Abela bħala Editur tal-gazzetta tal-Partit Laburista u kontra l-Kap Eżekuttiv tal-Freeport Aaron Farrugia għal kummenti li ġew ukoll ippubblikati fuq il-mezzi soċjali ta’ Facebook u Twitter.

Il-gazzetta Laburista ippubblikat storja fil-faċċata dwar allegati kuntratti li ngħataw taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Wieħed mir-ritratti fl-artiklu wera wkoll lil Daphne Caruana Galizia.

Dwar dan ir-rapport, Aaron Farrugia kkummenta fuq is-social media u rrepeta l-istess li qalet il-gazzetta Laburista b’għotjiet ta’ kuntratti lil Caruana Galizia, żewġha, kif ukoll lill-Avukat Andrew Borg Cardona.

Fil-libelli li ressqet, Daphne Caruana Galizia qalet li dawn il-kummenti saru biss bi skop li jnaqqsu mir-reputazzjoni tagħha u li huma malafamanti għal kollox. Qalet li dak li ngħad fuqha hu libelluż u għaldaqstant qed titlob lill-Qorti biex jingħataw id-danni lilha skont il-Liġi tal-Istampa.