Editorjal

Editorjal: Għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema

Meta fid-dinja bejn l-2008 u l-2013 kien hemm maltemp ekonomiku kbir, f’Malta mhux biss evitajna l-agħar effetti tiegħu u kellna x-xogħol jiżdied u l-qgħad baxx, talli l-pagi medji tal-ħaddiema żdiedu b’mod tajjeb.

Stħarriġ wiesa’ fost il-ħaddiema li jsir mill-NSO
Dan jirriżulta ċar minn stħarriġ li jsir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, u li jintuża wkoll mill-Eurostat. L-istħarriġ isir fost ħafna ħaddiema b’metodu xjentifiku, jara kemm jaqilgħu realment, u r-riżultati jkunu ppubblikati mill-NSO.

Żieda ta’ 528 ewro fis-sena fil-paga medja bejn l-2008 u l-2013
Bejn Marzu 2008 u Marzu 2013, il-paga medja tal-ħaddiema żdiedet b’2,640 ewro, jiġifieri l-paga medja żdiedet b’rata ta’ 528 ewro fis-sena.

L-atmosfera ekonomika dinjija issa hi aħjar
Issa ħarġet l-istess statistika għas-sena bejn Marzu 2013 u Marzu li għadda, l-ewwel sena tal-Gvern Laburista. U għandna nistennew li l-affarijiet marru aħjar minn qabel għax fid-dinja issa mhux maltemp ekonomiku hemm, imma temp ħafna aħjar.

Il-paga medja żdiedet biss b’96 ewro fl-aħħar tnax-il xahar
Madankollu, minn dak li ppubblika l-Gvern stess, il-paga medja tal-ħaddiema Maltin żdiedet biss b’96 ewro tul dawk it-tnax-il xahar – rata ferm anqas minn qabel.

Eżempju ħażin mill-Gvern stess bil-ħaddiema tal-EneMalta

Issa, wieħed jittama li dan ma jkomplix, għax kulħadd għandu l-aspirazzjoni li d-dħul tal-ħaddiema jiżdied. Imma l-Gvern stess qed jagħmel eżempju b’għadd ta’ ħaddiema tiegħu – il-ħaddiema tal-EneMalta – li qed jaraw il-pagi tagħhom jiddgħajfu.

Il-Prim Ministru jikser żewġ wegħdi solenni lill-ħaddiema tal-EneMalta

Joseph Muscat, eżatt qabel ma sar Prim Ministru, għamel lil dal-ħaddiema wegħda solenni li la jipprivatizza l-EneMalta u lanqas ma jonqsilhom id-dħul. Żewġ wegħdi miksurin it-tnejn, għax il-ħaddiema kollha tal-EneMalta jafu li d-dħul se jonqsilhom.

Il-ħaddiema tal-EneMalta f’kuntrast mal-mara tal-Ministru tagħhom
Il-ħaddiema tal-EneMalta fil-fatt qed jaraw xebh u kuntrast – xebh mal-bqija tal-ħaddiema li qed jaraw għafsa fuq il-pagi tagħhom, imma kuntrast mal-mara tal-Ministru tagħhom stess li żgur mhux qed jiddgħajfilha d-dħul.

Is-Sinjura ta’ Konrad Mizzi mhi qed tbati l-ebda għafsa
Il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi żgur mhi tbati l-ebda għafsa fuq il-paga u d-dħul tagħha, għax qed tgawdi pakkett ta’ 13,000 ewro fix-xahar – dħul li ħafna ħaddiema f’Malta lanqas f’sena sħiħa ma jagħmluh, aħseb u ara f’xahar.

Għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema kif jikkonfermaw iċ-ċifri

U din hi l-qasma li qed tiżviluppa bejn tal-qalba li qed jaraw id-dħul tagħhom jiżdied bil-kbir bil-ħatriet tal-pjaċir, u l-bqija tal-ħaddiema li jistennew żidiet aqwa fil-pagi imma li ċ-ċifri tal-Gvern stess jikkonfermaw li qed ibatu għafsa fuq id-dħul tagħhom.