Kultura Lokali

Esperjenza unika fil-mużika lit-tfal

Għat-tfal, is-sajf tipikament huwa assoċjat mad-divertiment. Madankollu, il-ġenituri jippreferu li jużaw dan iż-żmien biex uliedhom, filwaqt li jgawdu brejk tant mistenni mill-iskola, jesperjenzaw divertiment edukattiv li jagħmel differenza għall-futur tagħhom.

Din is-sena, l-iskola tas-sajf ta’ Inspire – li tilqa’ tfal b’abilitajiet differenti – ingħaqdet ma’ Hard Rock Cafe Malta, biex toffri lit-tfal esperjenza unika f’ħajjithom. Kull ġimgħa, minn din il-ġimgħa, it-tfal li jattendu l-iskola tas-sajf ser jirċievu lezzjoni tal-mużika b’differenza.

Ċelebritajiet lokali ser joffru lit-tfal li jattendu l-iskola tas-sajf ta’ Inspire lezzjoni tal-mużika li żgur sde jibqgħu jiftakru tul ħajjithom.

“L-idea hi li nesponu lit-tfal għall-mużika b’tali mod li jħalli impatt. L-iskola tas-sajf ta’ Inspire tilqa’ tfal b’abilitajiet differenti, u dan jaqbel bis-sħiħ mal-motto ta’ Hard Rock – LOVE ALL SERVE ALL, ALL IS ONE ” qal Adolf Vella, Marketing Manager ta’ Hard Rock Cafe Malta. “Nirringrazzjaw b’mod speċjali lill-mużiċisti kollha li qed joffru l-ħin mill-iskeda bieżla tagħhom”.

Is-sessjonijiet tal-mużika ser jibdew ma’ Ryan Abela, drummer għal ‘Semplicment tat-Triq’ & For Strings Inn, segwit minn Errol ta’ Airport Impressions u Claudia Faniello. Mużiċisti oħra li kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom matul is-sajf huma Mikaela Attard, Pawlu Borg Bonaci, Wayne Camilleri, Gianni Zammit u Ivan Grech ta’ Winter Moods.

“It-tfal huma l-futur tagħna, u jiena ma nistax nimmaġina futur mingħajr mużika tajba. Għalhekk, meta kellmuni dwar din l-opportunità, mill-ewwel ħtaft l-okkażjoni. Jiena ċert li ser niggwadanja minn din l-esperjenza daqskemm ser jiddevertu t-tfal,” qal Ryan Abela.

Aktar tard din is-sena, Hard Rock ser jorganizzaw ukoll attività jisimha Hard Rock Collectors, fejn ser ikun organizzat irkant u ser tiġi ppreżentata “pin” tal- Hard Rock għal din l-okkażjoni, u l-qliegħ ser imur kollu għal Inspire. Barra minn dan, grupp ta’ tfal li jattendu s-sessjonijiet tas-sajf ser itellgħu wirja ta’ 15-il minuta bil-mużika tagħhom f’Hard Rock Cafe Malta. Aktar dettalji dwar din l-attività jingħataw aktar tard.

“Inspire dejjem tenfasizza l-inklużjoni,” spjega Nathan Farrugia, CEO ta’ Inspire, “u aħna lkoll nafu li l-mużika għandha l-qawwa li tgħaqqad flimkien lin-nies, minkejja l-ħajja u l-abilitajiet differenti tagħhom. Il-mużika tarmonizza d-differenzi, taġevola l-interazzjoni, u għalhekk din l-inizjattiva taqbel totalment ma’ dak kollu li tirrapreżenta l-Inspire, u aħna lkoll tassew grati lill-mużiċisti li qed jipparteċipaw, kif ukoll lil Hard Rock Café.”