Lokali

Filmat: Il-PN b’messaġġ ta’ kuraġġ u fiduċja bil-musical “Sebaħ Jum”

“Sebaħ Jum” hu l-isem ta’ musical oriġinali li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed itella’ fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta. Il-musical se jsir fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana bejn is-17 u d-19 ta’ Ottubru. F’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said fisser li l-messaġġ li jrid iwassal il-Partit hu li l-Indipendenza ta’ pajjiżna kienet pass kruċjali u l-pedament ta’ kulma ġara fis-snin ta’ wara.

Chris Said qal li permezz ta’ din l-attività l-PN irid iwassal messaġġ ċar ta’ kuraġġ u fiduċja fina nfusna. Qal li bħalma persuna timxi ‘l quddiem meta jkollha fiduċja fiha nnifisha, l-istess il-pajjiż, żgħir kemm hu żgħir. Qal li 50 sena ilu missirijietna kellhom kuraġġ u fiduċja f’pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi emmen u kellu fiduċja fih innifsu, tant li f’dawn l-aħħar 50 sena pajjiżna mexa ‘l quddiem grazzi għal dawk id-deċiżjonijiet li ttieħdu.

Min-naħa tiegħu, l-awtur tal-lirika Joe Chircop qal li b’dan il-musical irid juri li m’hemmx telliefa jew rebbieħa, iżda hemm biss il-poplu Malti bħala rebbieh. Il-musical idur ma’ familja u għalhekk Chircop qajjem l-aspett soċjo-kulturali tas-snin 60. Spjega li l-musical hu msejjes fuq temi li jitrattaw l-emigrazzjoni, ix-xogħol, il-Knisja, id-diffikultajiet li ħabbtu wiċċhom il-partiti politiċi ta’ dak iż-żmien u l-kwistjoni tal-Integration. Joe Chircop għamilha ċara li l-musical se jkun qed jitratta biss il-fatti bl-ebda politika partiġġjana.

“Sebah Jum” hu twil madwar sagħtejn u jinkludi 24 kanzunetta u parlant. Il-mużika kienet adattata minn Mark Spiteri Lucas, li fil-konferenza tal-aħbarijiet fisser l-entusjażmu u l-kburija tiegħu li kien involut f’dan il-proġett. Bħall-kelliema ta’ qablu, hu qal li mill-kompożizzjoni tal-kanzunetti ħareġ l-importanza li lkoll nemmnu fina nfusna. Spiteri Lucas żied li l-mużika tkopri stil orkestrali magħġun bi stili oħrajn mis-snin 60 bħal Rock, Funk u stili ohrajn, li jesponu d-diversi burdati fl-istorja.

Charles Stroud qed jieħu ħsieb id-direzzjoni tal-musical kollu, jiġifieri d-dwal, il-grafika, il-kostumi tal-atturi, il-mużika, iż-żfin u kull aspett krettiv ieħor. Hu qal li f’attività bħal din għandek orkestrazzjoni sħiħa ta’ ħafna elementi kulturali, biex ikun musical innovattiv, modern u avant garde.

Flimkien ma’ Joe Chircop, Mark Spiteri Lucas u Charles Stroud, qed jagħti s-sehem tiegħu wkoll Philip Vella, li hu responsabbli mill-orkestrazzjoni u mir-recording.

Il-booking hu miftuħ u l-biljetti jistgħu jinxtraw għall-prezz ta’ €15.

Sebah Jum Poster