Lokali

Grazzi mill-qalb mill-organizzaturi tal-maratona Oħloq Tbissima

Fi stqarrija ta’ ringrazzjament Dun Louis Mallia, Direttur taċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja (ĊAM) u ĊAM Productions international (ĊPi) flimkien mal-organizzaturi tal-Maratona Oħloq Tbissima irringrazzja lill-voluntiera kollha taċ-ĊAM u ċ-ĊPi tal-impenn tagħhom biex għal sena oħra il-maratona ‘Oħloq Tbissimaħ kienet esperjenza sabiħa ta’ paċi u altruiżmu.

Fl-istqarrija ġew ringrazzjati ukoll dawk kollha li b’xi mod ikkontribwixxew għal din il-kawża ġusta. Grazzi mill-qalb marret ukoll lill-President Marie-Louise Coleiro-Preca, l-Arċisqof Mons. Pawlu Cremona, il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Michelle Muscat, l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, it-tlett Presidenti Emeriti Ugo Mifsud Bonnici, Eddie Fenech Adami u George Abela, Ministri u Membri Parlamentari tal-parteċipazzjoni u l-appoġġ tagħhom. Fl-istqarrija ġie mgħoti grazzi wkoll għall-għotja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti.

Anke l-media lokali ġew mgħotija grazzi fl-istess stqarrija.

“Grazzi mill-qalb ukoll lil tant nies ġenerużi li fehmu din il-ħidma missjunarja u taw il-kontribut tagħhom mingħajr ma stennew xejn lura. S’issa ntlaħqet is-somma sabiħa ta’ ‘l fuq minn €173,000”, temmet tgħid l-istqarrija.

Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq in-numri segwenti hekk kif il-linji tat-telefon għadhom miftuħin.

€10 51602004
€15 51702007
€25 51802009
SMS €4.66 50618099

Min jixtieq jagħmel donazzjoni online jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit www.ohloqtbissima.com.