Ekonomija Lokali

Ġunju reġa’ ra tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet f’Malta iżda żieda fl-Ewropa

Hekk kif l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) ippubblika statistika oħra dwar l-andament tal-kummerċ fl-Istati membri matul Ġunju 2014, għal darb’oħra u għal xahar ieħor konsekuttiv, f’Malta l-bejgħ mill-ħwienet naqas minkejja li x-xejra madwar l-Ewropa hi waħda ta’ żieda. Dan joħroġ kemm meta tqabbel iċ-ċifri ma’ Ġunju 2013, kif ukoll ma’ Mejju 2014.

Fiż-żewġ każi, l-istqarrija tal-UE tikkummenta li Malta hi fost il-pajjiżi bl-akbar tnaqqis. F’Ġunju 2014 il-bejgħ fil-ħwienet madwar l-UE żdied b’0.3% bħala medja fit-28 Stat Membru meta mqabbel ma’ Mejju 2014. Dwar il-pajjiżi fiż-Żona Ewro, l-istatistika tgħid li l-medja f’dan il-każ kienet żieda ta’ 0.4% fuq Mejju 2014. Madankollu, f’Malta l-bejgħ naqas b’1.1%, li hu t-tielet l-akbar tnaqqis wara dak tal-Fillandja (1.8%) u l-Portugall (1.4%). Kienu biss 10 l-pajjiżi li fihom naqas il-bejgħ, fosthom Malta.

It-tnaqqis fil-kummerċ f’Malta hu akbar meta t-tqabbil isir fuq medda ta’ sena. F’dan il-każ, f’Ġunju 2014 il-bejgħ mill-ħwienet f’pajjiżna sofra tnaqqis ta’ 1.5% fuq Ġunju 2013. F’dan il-każ, flimkien mal-Fillandja bl-istess rata, pajjiżna jirreġistra t-tieni l-akbar tnaqqis wara dak fis-Slovenja (2.6%). Fuq perjodu ta’ sena, il-bejgħ mill-ħwienet naqas biss f’ħames pajjiżi u fil-bqija tal-Ewropa żdied kullimkien b’żidiet li jlaħħqu saħanistra t-13% fil-Lussemburgu, l-10% fir-Rumanija, it-8% fl-Estonja, u l-5% fi Franza.

Anke f’dan il-każ, Malta tmur kontra x-xejra għax il-medja tal-bejgħ taż-Żona Ewro żdiedet bi 2.4%, filwaqt li dik tal-UE żdiedet b’rata ta’ 2.5%.

Il-bejgħ mill-ħwienet jerġa’ jonqos minħabba l-għafsa fuq il-pagi – il-PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din l-istatistika tkompli turi kif il-bejgħ mill-ħwienet qed jonqos minħabba l-għafsa fuq il-pagi. Il-PN fakkar kif l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat torbot mal-informazzjoni ppubblikata mill-Gvern stess fil-Labour Force Survey, li juri li l-paga medja tal-ħaddiema fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista żdiedet biss b’€96. Dan f’kuntrast mal-ħames snin ta’ qabel meta, minkejja dinja f’taqlib ekonomiku kbir, il-paga medja tal-ħaddiema Maltin żdiedet b’€528 fis-sena.

Il-PN esprima wkoll it-tħassib tiegħu għall-fatt li din l-istatistika mhijiex każ iżolat għax Malta qed tirreġistra tnaqqis fil-bejgħ għar-raba’ darba fl-aħħar ħames xhur. Dan jikkuntrasta wkoll mal-livell ta’ kummerċ fl-UE, li tul l-istess perjodu kompla jiżdied u għalhekk, ix-xejra ta’ tnaqqis fil-bejgħ għandha raġunijiet li ġejjin minn Malta u mhux minn barra. L-istqarrija fakkret li filwaqt li l-ħwienet qed inaqqsu l-bejgħ u l-ħaddiema qed ibatu għafsa fuq il-pagi tagħhom, tal-qalba tal-Gvern qed jaraw id-dħul tagħhom jiżdied bil-kbir bil-ħatriet tal-pjaċir.