Il-Gvern għamel Mandat ta’ Sekwestru fuq il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara minħabba ħlasijiet dovuti mill-Kunsill lill-Gvern. Dan ifisser li l-assi kollha tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara jinsabu ffiriżati u għalhekk il-Kunsill ma jista’ jagħmel l-ebda pagamenti lill-kuntratturi jew lill-ħaddiema mpjegati mal-Kunsill. Kien għalhekk li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara tlaqqa’ b’urġenza fis-6pm tal-lbieraħ biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni.
Il-kwistjoni kollha jidher li hi marbuta ma’ ħlas ta’ madwar €50,000 b’rabta ma’ proġett ta’ restawr li sar kważi 10 snin ilu fuq l-akkwadott, minn Ħ’Attard sa Birkirkara. Kien sar ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, il-kumpanija GreenMT u l-Gvern biex il-pagamenti għax-xogħol fuq l-akkwadott isir mill-kumpanija GreenMT lill-Gvern. Iżda issa jirriżulta li dan il-ftehim qatt ma mmaterjalizza, minkejja li jeżistu d-dokumenti kollha li kienu ġew iffirmati mill-partijiet kollha nteressati.
Jidher li d-deċiżjoni li jsir sekwestru fuq il-Kunsill ta’ Birkirkara, l-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-Kunsill Lokali, qajjmet ir-rabja tas-Sindku Laburista Joanne Debono Grech, li minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com saħansitra ċemplet lill-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi biex tilmenta dwar dan.
Sadanittant, MaltaRightNow.com jinsab infurmat ukoll li teżisti nuqqas ta’ armonija fi ħdan il-Kunsill. Dan ħareġ fil-beraħ wara d-deċiżjoni tas-Sindku li l-laqgħa tal-Kunsill li jmiss se ssir il-Ġimgħa, propju meta t-tim tal-futbol ta’ Birkirkara jkun qed jilgħab is-Supercup kontra Valletta. Uħud mill-Kunsilliera talbu li din id-data tinbidel, iżda dan ma seħħx.
//= $special ?>