Illejla f’laqgħa informali mal-ġurnalisti, il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar stqarr li l-Gvern għolla l-grad tal-parir li qed jingħata lill-Maltin li għadhom jinsabu fil-Libja. Dan qed jissejjaħ bħala tluq assistit. Il-Crisis Centre fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jikkomunika mal-Maltin kollha fi Tripli, f’Bengażi u f’żoni li jipproduċu ż-żejt biex għada jmorru fl-ajruport ta’ Mitiga jew inkella f’dak ta’ Labrak qrib Bengażi.
Minbarra dawn iż-żewġ titjiriet, jekk jitfaċċaw aktar Maltin, qed isiru arranġamenti biex bl-għajnuna tal-gvernijiet tal-Indja u tal-Filippini, jitwasslu lejn Malta abbord vapuri li jitilqu minn Bengażi jew minn Tripli.
Mario Cutajar qal li dan il-grad qed jissejjaħ tluq assistit u mhux evakwazzjoni minħabba li pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea għadhom ma skattawx din il-miżura. Il-Kap taċ-Ċivil qal li l-Gvern qed jikkomunika mal-Gvern Taljan biex issir ħidma konġunta, filwaqt li saħaq li l-Ambaxxata Maltija fi Tripli se tibqa’ miftuha. Madankollu, b’seħħ minn għada, is-servizzi konsulari mhux se jibqgħu jsiru minn Tripli.
Mario Cutajar qal li għad hemm madwar 100 ċittadin Malti fil-Libja u żied li l-Gvern qed joqgħod attent ħafna fejn tidħol is-sigurtà għax mhux kulħadd qed ikun fil-pussess tad-dokumenti meħtieġa. Min jiddeċiedi li jħalli l-Libja, irid ikollu l-Passaport f’idejh jew xi mezz ieħor ta’ dokumentazzjoni. Il-Kap tac-Civil fisser li l-20 Malti li jaħdmu fiż-żoni li jipproduċu ż-żejt iridu jaħsbu għal rashom biex imorru Tripli jew qrib Bengażi.
Dwar il-pazjenti li qed jaslu Malta, Mario Cutajar qal li dawn għadhom ġejjin u saħaq biex dawn iġibu magħhom id-dokumenti mediċi. Żied ukoll li qed isiru taħditiet mal-awtoritajiet Taljani u Ġermaniżi biex, f’każ ta’ bżonn, ikun hemm sptar abbord vapur.
//= $special ?>

