Internazzjonali

Jinżel is-siparju fuq l-attivitajiet li jfakkru l-ewwel ċentinarju mill-bidu tal-ewwel gwerra dinjija

Fir-Renju Unit tard it-Tnejn filgħaxija niżel is-siparju fuq l-attivitajiet li bdew aktar kmieni matul il-ġurnata fil-Belġju, biex ifakkru l-ewwel ċentinarju mill-bidu tal-ewwel gwerra dinjija. Vġili għad-dawl tax-xemgħa f’Westminster Abbey u dik li ġiet deskritta bħala Lights-out event iddominaw l-għeluq taċ-ċerimonji f’għeluq il-100 sena minn meta l-Imperu Ingliż iddikjara gwerra kontra l-Ġermanja u l-alleati tagħha.

Ħafna djar, negozji u bini pubbliku madwar ir-Renju Unit tfew id-dawl u ħallew biss xemgħa waħda, jew dawl wieħed jixgħel b’tifkira tas-17-il miljun suldat u ċivili li tilfu ħajjithom f’dik li tibqa’ magħrufa bħala l-Gwerra l-Kbira. Fit-tifkira uffiċjali aktar kmieni fil-belt Belġjana ta’ Liege, fejn faqqgħet il-gwerra fl-1914, fost il-50 kap ta’ stat preżenti kien hemm ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.