L-Airshow Internazzjonali ta’ Malta, li din is-sena se jsir is-Sibt, 27 u l-Ħadd, 28 ta’ Settembru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, mistenni jkun l-akbar wieħed li qatt sar. Il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni Joe Ciliberti ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tnediet it-22 edizzjoni tal-“airX Malta International Airshow”.
F’kummenti lil MaltaRightNow.com, Ciliberti spjega li fl-Airshow ta’ din is-sena l-ajruplani li se jagħtu wirjiet fl-ajru se jkunu ferm aktar mis-soltu. Qal li l-kuntatti biex l-Airshow tattita aktar ajruplani għadhom għaddejjin.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħa sehem ukoll iċ-Chairman tal-airX Charter John B. Matthews. Din hi kumpanija bbażata f’Malta li toffri servizzi ta’ air charters u jets privati għal klijenti madwar l-Ewropa kollha.
Matthews qal li għat-tieni sena konsekuttiva l-kumpanija tiegħu se tkun qed tagħti l-appoġġ tagħha għal din il-wirja internazzjonali tal-ajru. Qal li airX tinsab fil-proċess li tkabbar il-flotta tagħha ta’ business jets privati u għalhekk l-operat tagħha mistenni jikber. Aktar minn nofs il-flotta tal-kumpanija hi rreġistrata f’Malta. Matthews qal li l-kunċett ta’ Malta bħala hub tal-avjazzjoni qed dejjem jikber u għalhekk Malta toffri opportunità biex in-negozju tagħhom ikompli jikber.
Hu stmat li l-Wirja Internazzjonali tal-Ajru 2013 ġibdet lejha 15,000 spettatur.
//= $special ?>

