Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza fi stqarrija ikkundannat il-prattiċi diskriminatorji li ntużaw waqt intervisti għal postijiet vakanti ta’ għalliema nisa.
Il-Kummissjoni, li hi mmexxija minn Renee Laviera, fakkret li l-liġi dwar l-ugwaljanza għall-irġiel u għan-nisa tgħid li hu diskriminatorju li wieħed jittratta lin-nisa u lill-irġiel b’mod differenti fuq bażi ta’ ġenitur, responsabbiltajiet tal-familja jew għal raġunijiet marbutin ma’ sess.
Kull trattament differenti jew favoritiżmu jista’ jwassal għal diskriminazzjoni, b’mod partikolari meta wieħed ikun qed japplika għal impjieg.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qalet li tappoġġja l-Policy tal-Ugwaljanza għas-Servizz Pubbliku li tgħid li meta l-Bordijiet tal-Għażla jkunu qed jiddeċiedu dwar l-eleġibbilita` u l-assessjar ta’ kandidati, huma ma jistgħux jużaw xi forma ta’ trattament diskriminatorju dirett jew indirett.
Għalhekk il-Kummissjoni qalet li tistenna li l-bordijiet tal-għażla jimxu ma’ din il-policy u ma jistaqsux lil dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol informazzjoni dwar il-ħajja privata tagħhom u l-pjani tagħhom għall-familja, minħabba li dan ikun diskriminatorju.
Kull min issir dikriminazzjoni miegħu fuq bażi ta’ sess jew responsabbiltajiet tal-familja waqt interviews jew waqt il-proċess ta’ impjieg, jista’ jressaq ilment lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Dawn l-ilmenti jkunu investigati mill-Kummissarju dwar l-Ugwaljanza li hi wkoll Renee Laiviera.
//= $special ?>

