Futbol Sport

Manchester United jgħelbu lir-rivali Liverpool fl-International Champions Cup

Manchester United wettqu rimonta u għelbu lir-rivali Liverpool 3-1 fil-finali tal-International Champions Cup.

Liverpool kienu qed igawdu vantaġġ ta’ gowl skurjat mill-captain Gerrard qabel ma Rooney u Mata ispiraw lir-Red Devils għal rimonta.

Issa ż-żewġ timijiet imorru lura l-Ingilterra hekk kif fis-16 u fis-17 ta’ Awwissu jilagħbu l-ewwel partita mill-kampjonat kontra Swansea u Southampton rispettivament.

Man Utd għamlu bidla waħda biss mit-tim li ftit jiem qabel kien rebaħ kontra Real Madrid hekk kif Hernandez ħa post Danny Welbeck. Liverpool għamlu ħames tibdiliet mit-tim li rebaħ kontra Milan biex għaddew għall-finali. Sebastian Coates, Kolo Toure, Jack Robinson, Lucas u Jordan Ibe ċedew posthom għal Gerrard, Martin Skrtel, Mamadou Sakho, Glen Johnson u Philippe Coutinho

Wara kwarta logħob Liverpool ingħataw penalty meta d-difensur Phil Jones waqqa` lil Raheem Sterling. Mil-11-il metru Steven Gerrard ma falliex biex għeleb lil De Gea u għamel l-iskor 1-0. Għaxar minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Man Utd ġabu d-draw b’gowl ta’ Rooney li kien irċieva mingħand Hernandez. Għal Rooney dan kien il-ħames gowl tiegħu fit-Tour tal-Istati Uniti.

Ir-Red Devils komplew jagħfsu u żewġ minuti wara Mata għamel l-iskor 2-1 meta għeleb lill-gowlkiper Mignolet b’xutt minn tarf il-kaxxa l-kbira, xutt li kien kemmxejn devjat minn Sakho.

Minuta mit-tmiem Man Utd issiġillaw kollox meta għamlu l-iskor 3-1 b’gowl ta’ Lingard. Man Utd ma tilfux logħba fil-ħamsa li lagħbu f’dan it-turnament fejn għelbu lil Inter, Roma, Real Madrid u Liverpool u bla dubju jawgura tajjeb għall-istaġun li ġej.