Lokali

Nirien qawwija f’razzett tal-baqar f’Ħad-Dingli

Matul il-lejl li għadda, nirien qawwija ħakmu razzett tal-baqar u anke l-għelieqi tal-madwar fil-limiti ta’ Ħad-Dingli. In-nar, li beda għall-ħabta tad-9pm, jidher li oriġina minn munzell kbir ta’ tiben li kien hemm fil-post. Dan ikkawża ħsara li tlaħħaq l-għexieren ta’ eluf ta’ ewro minħabba li nqerdu għodda, għalf tal-annimali u ammont kbir ta’ tiben. Madanakollu, jidher li numru ta’ baqar li kienu fir-razzett, magħruf bħala “Ta’ Xmun”, li hu l-laqam tal-familja, kienu salvati qabel ma nfirxu n-nirien.

Fil-post marru ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li kellhom biċċa xogħol diffiċli biex jitfu n-nar, f’ħidma li damet sejra sas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. Jidher ukoll li numru ta’ bowsers privati tal-ilma għenu fil-ħidma tat-tifi tan-nar. Fil-post marru wkoll erba’ Ambulanzi għalli jista’ jkun, iżda jidher li fortunatament ħadd ma weġġa’ fl-inċident. Għal xi ħin kien hemm ukoll ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta.

F’kummenti lil MaltaRightNow.com, sidt ir-razzett Angie Azzopardi kellha kliem ta’ ringrazzjament għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li allegat li n-nar, li fi kliemha “qered totalment ir-razzett u ħalla biss duħħan”, tqabbad apposta. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.