Fl-okkażjoni tal-100 sena mill-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat u l-Arkivji privati Ellis ħarġu sett ta’ postcards li jfakkru din il-ġrajja kerha għall-umanità li fiha mietu miljuni ta’ nies. L-Arkivista Nazzjonali Charles Farrugia ppreżenta s-sett ta’ postcards lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo waqt żjara li għamel fl-Arkivji Nazzjonali.
Fil-post hemm esebiti t-telegramm li kien intbagħat minn Londra fil-5 ta’ Awwissu 1914, li jiddikjara l-Gwerra mal-Ġermanja, kif ukoll il-Proklama li nħarġet mill-Gvernatur Leslie Rundle biex jinforma lill-poplu Malti li pajjiżna kien fi Gwerra (ritratt). Is-sett ta’ postcards fih 12-il ritratt differenti mill-kollezzjoni ta’ Arkivji privati ta’ Ellis. Charles Farrugia tkellem dwar il-valur tad-dokumenti antiki anke għall-ħajja tal-lum.
Il-Ministru Bartolo wera l-apprezzament tiegħu għall-pubblikaturi kollha f’Malta minħabba d-diffikultajiet kbar li dawn jiffaċċjaw. Qal li l-Arkivji Nazzjonali u dawn privati ta’ Ellis jiġbru l-memorja istituzzjonalizzata tal-pajjiż. Fakkar fil-kruha tal-Ewwel Gwerra Dinjija u l-miljuni ta’ mwiet li ġabet magħha, il-miljuni ta’ nies feruti u l-priġunieri.
Il-Ministru Bartolo qal li hu importanti li l-ġenerazzjonijiet ikollhom memorja biex jaħsbu fuq dak li ġara fl-imgħoddi. Filwaqt li fakkar fl-inkwiet li għaddej bħalissa f’diversi pajjiżi, bħas-Sirja, il-Libja, l-Ukrajna u pajjiżi oħrajn, qal li wieħed għandu jitgħallem minn dak li ġara fil-passat.
//= $special ?>

