Żagħżugħ ta’ 27 sena min-Naxxar, sewwieq ta’ trakk ready mix, sofra feriti gravi wara li nqabad fil-gabina tat-trakk tiegħu meta kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħal Lija.
Mill-ewwel informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-inċident seħħ ftit wara s-1pm meta r-raġel kien qed isuq il-vettura tiegħu fid-direzzjoni tal-Mosta. Meta qabeż iċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija, it-trakk kien involut f’ħabta ma’ trakk li jnaddaf it-toroq, misjuq minn raġel ta’ 55 sena mill-Kalkara.
Mal-ħabta, it-trakk li jnaddaf it-toroq spiċċa fuq il-korsija l-oħra, iżda fortunatament ma kellux impatt mal-ebda vettura oħra li kien ġejja mid-direzzjoni opposta.
Kawża tal-impatt, ir-raġel inqabad fil-gabina tat-trakk u kien hemm bżonn l-intervent ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ikun jista’ jinħareġ mit-tifrik. Fil-post wasal ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li ta l-ewwel għajnuna liż-żagħżugħ. Hu ttieħed l-Isptar, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi iżda mhux fil-periklu li jitlef ħajtu.
Kawża tal-inċident, it-triq kellha tingħalaq għal xi ħin mit-traffiku.
//= $special ?>

