Internazzjonali

Saċerdot jisejjaħ lura biex jqaddes wara 30 sena

Kelliema għall-Vatikan qalu li l-Papa Franġisku sejjaħ lura u kkonferma mill-ġdid l-istatus ta’ saċerdot min-Nikaragwa li, tletin sena ilu, spiċċa sospiż mill-Knisja talli kien aċċetta kariga mal-eks-Gvern Xellugi tas-Sandinista, f’pajjiżu.

Is-saċerdot, Miguel D’Escoto Brockmann, kien ipprojbit milli jqaddes mill-Papa preċedenti, Ġwanni Pawlu II. Dan wara li hu sfida d-digriet tal-Knisja Kattolika li ma tippermettix li l-qassisin jieħdu karigi mal-gvernijiet.

Intant, D’Escoto, li serva bħala l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tan-Nikaragwa mill-1979 sal-1990, kiteb lill-Papa Franġisku u talbu biex jitħalla jerġa’ jqaddes il-quddies qabel mewtu. Il-Papa aċċettalu t-talba. Hu mifhum li l-Papa Franġisku talab lis-superjur ta’ D’Escoto mal-Istituzzjoni Maryknoll għall-Missjunarji biex jgħin ħalli s-saċerdot jissieħeb mill-ġdid fil-funzjonijiet tal-Knisja.

D’Escoto, li għandu 81 sena, laqa’ din l-aħbar b’sodisfazzjon kbir u insista li l-piena tiegħu, li kienet ilha effettiva mill-1984, ma kinitx waħda xierqa. Intant, hu qal li spiċċa jaċċetta l-piena għaliex skont il-perspettiva tal-Uffiċjali tal-Knisja li ħadu d-deċiżjoni, il-proċess relatat kien tmexxa legalment u fl-aħjar interessi tal-ġustizzja.