Qorti

Sentenza sospiża wara li f’Ħal-Qormi seraq żewġ bankijiet biex ibiegħhom

Raġel ta’ 33 sena minn Ħal-Qormi li għandu problema ta’ droga kien ikkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li seraq żewġ bankijiet minn Triq il-Ħlas, f’Ħal-Qormi stess.

Noel Farrugia ammetta li fit-2 u fit-3 ta’ Awwissu minn Triq il-Ħlas huwa qala’ l-viti ta’ żewġ bankijiet li kien sab il-bejgħ tagħhom, u dan għax kellu jagħti xi flus. Huwa nqabad permezz ta’ CCTV Camera li hemm fl-inħawi.

Farrugia li kkopera mal-Pulizija kien ordnat ukoll mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li jħallas is-somma ta’ €601.80c lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi, ċ-ċifra ta’ kemm jiswew il-bankijiet u li għal perjoud ta’ erba’ snin ikun taħt superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation biex jaqta’ mill-vizzju tad-droga.

Il-Qorti qalet lil Farrugia li fin-nuqqas ta’ dan, huwa jerġa’ jiġi arrestat mill-ewwel u jkollu jiskonta piena ta’ 18-il xahar ħabs. Għalih deher l-Avukat Christopher Chircop filwaqt li għan-nom tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi deher l-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.