Qorti

Sqalli jinżamm il-ħabs wara li kien mixli bi traffikar tad-droga

Rosario Militello, ta’ 33 sena minn Katanja, inżamm il-ħabs wara li l-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja. Hu kien mixli b’konnessjoni ma’ traffikar ta’ madwar 3kg ta’ ħaxixa tal-kannabis. Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, irriżulta li r-raġel Sqalli, residenti f’San Ġiljan, kien ibigħ id-droga lil terzi persuni. Hu ġie mixli li fis-6 ta’ Mejju u fit-tliet xhur ta’ qabel ittraffika l-pjanta kannabis u li kienet fil-pusses tiegħu.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Militello ġie mixli wkoll b’pusses ta’ kokaina. L-arrest ta’ Militello kien riżultat ta’ ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, li bdiet f’Diċembru 2013 u li matulha l-Pulizija kienet waslet biex tressaq il-Qorti seba’ persuni Sqallin u akkużathom b’importazzjoni, traffikar u pussess aggravat ta’ droga f’Malta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin, filwaqt li għall-akkużat dehret l-Avukat Gianella de Marco.