Taljan imwieled l-Istati Uniti nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli b’għadd ta’ serqiet minn ħwienet fil-Belt. It-Taljan, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, ġie mixli li wettaq dawn is-serqiet fit-13 ta’ Novembru u f’Lulju li għadda.
Stephen Francis Galli, ta’ 49 sena minn Milan, ġie mixli mill-Ispettur Daryl Borg li kkommetta l-ewwel serqa bejn il-5pm u s-6pm, meta seraq għadd ta’ kosmetiċi u fwejjaħ għad-dannu ta’ Adrian Mifsud. Ġie mixli wkoll li lejn l-aħħar tax-xahar li għadda, bejn l-4pm u l-5pm, seraq mill-ħanut Chemimart kaxxa tad-donazzjonijiet għall-karità li kien fiha anqas minn €200.
It-Taljan ġie mixli wkoll li naqas milli jħares xi waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, jiġifieri dik ta’ pleġġ li kien ingħata mill-Maġistrat Anthony Vella. Ġie mixli wkoll li kkommetta reat li għalih hemm piena ta’ priġunerija fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Galli ġie mixli wkoll li kkommetta reat fil-perjodu operattiv ta’ probation mogħtija mill-istess Maġistrat.
Id-Difiża, immexxija mill-Avukat Joe Brincat, għamlet talba għal-libertà proviżorja, iżda din sabet oppożizzjoni qawwija mill-Ispettur Borg, li qal li l-akkużat kien tressaq il-Qorti 15-il ġurnata ilu wkoll fuq serq. It-talba għal-libertà proviżorja kienet miċħuda.
//= $special ?>
