Il-frekwenza tat-traffic lights li twaħħlu fi Triq L-Imdina ġiet aġġustata wara li l-Kunsillier Nazzjonalista tar-Rabat Ian Vassallo bagħat korrispondenza elettronika lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u anke lil Transport Malta. Fil-korrispondenza, hu wassal l-ilmenti tas-sewwieqa li jiffrekwentaw din it-triq prinċipali.
Il-Ministeru stess qal dan fi stqarrija bi dritt għar-risposta, wara li MaltaRightNow.com xandar storja dwar il-konġestjoni tat-traffiku u l-periklu li dawn it-traffic lights ġodda, li twaħħlu barra t-triq li tagħti lejn Ta’ Qali, qed joħolqu. Dawn it-traffic lights kienu l-konsegwenza ta’ numru kbir ta’ lmenti minn sewwieqa, li ta’ kuljum jużaw din it-triq prinċipali kif ukoll periklu minħabba li xi sewwieqa li jkunu telgħin minn Ħ’Attard qed jagħżlu li jaqbdu u jaqsmu lejn Ta’ Qali minkejja li dan issa m’għadux permess.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministeru tat-Trasport kompla li l-Mistoqsija Parlamentari tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Antoine Borg ma setgħetx titwieġeb għax il-Parlament jinsab magħluq. Fir-rappurtaġġ tagħna, qatt ma saret kritika lill-Ministeru għax din ma twiġbitx.
Intant, f’kummenti lil MaltaRightNow.com, Ian Vassallo qal li ma ġiex notifikat li saru dawn l-aġġustamenti. Madankollu, hu laqa’ dan l-iżvilupp u wiegħed li se jibqa’ jsegwi s-sitwazzjoni biex jiżgura li dan l-inkonvenjent ma jerġax jinħoloq meta tibda s-sena skolastika.
//= $special ?>
