Futbol Sport

Blatter togħġbu l-idea li t-Tazza tad-Dinja tal-2026 issir fil-Kanada

Il-President tal-FIFA Sepp Blatter qal li tgħoġbu l-idea li fl-2026 it-Tazza tad-Dinja ssir fil-Kanada. Iż-żewġ edizzjonijiet li jmiss tat-Tazza tad-Dinja, jiġifieri dawk tal-2018 u tal-2022 se jsiru fir-Russja u fil-Qatar rispettivament. Tard it-Tlieta filgħaxija l-Federazzjoni tal-Futbol fil-Kanada ħabbret li hi interessata biex titfa’ l-kandidatura tagħha biex torganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2026 u minn naħa tiegħu Blatter faħħar din l-inizjattiva u qal li dan juri li l-pajjiż irid ikompli jippromwovi dan l-isport.

Il-Kanada qatt ma organizzat it-Tazza tad-Dinja madankollu sena oħra se tkun qed torganizza t-Tazza tad-Dinja tan-nisa. Minn kemm ilu Blatter President tal-FIFA it-Tazza tad-Dinja saret għall-ewwel darba fl-Asja kif ukoll fl-Afrika u Blatter qed jipprova jilħaq kull pajjiż.