Qorti

Ċiniż immultat €100 wara li ammetta li pejjep fuq titjira tar-Ryanair

Ċiniż ta’ 25 sena u li huwa residenti f’Valkenswaard, f’Olanda kien immultat €100 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li pejjep waqt li kien abbord titjira tar-Ryanair.

Hu Cui ammetta li qabbad sigarett meta kien fuq l-ajruplan nhar it-Tlieta li għaddew fuq titjira minn Eindhoven għal Malta. Il-Kaptan tal-ajruplan Nicholas Beck qal li huwa kien infurmat li Cui kien qiegħed ipejjep fit-tiolet ftit tal-ħin qabel mal-ajruplan beda l-inżul tiegħu lejn Malta. Meta kien mistoqsi mill-membri tal-ekwipaġġ il-passiġġier Ċiniż mill-ewwel ammetta li kien pejjep.

Fil-Qorti rriżulta li l-Kaptan Beck irċieva telefonata interna mill-purser li kien hemm passiġġier qed ipejjep fuq l-ajruplan. Minn naħa tiegħu Hu Cui skuża ruħu kemm mal-ekwipaġġ kif ukoll fil-Qorti talli wettaq dan ir-reat.

Qabel ma ta s-sentenza l-Maġistrat Aaaron Bugeja staqsa fejn hu reġistrat l-ajruplan inkwistjoni u ġie infurmat li l-pajjiż huwa l-Irlanda. Huwa qal li l-liġi ta’ Malta tgħid li biex f’każ bħal dan, persuna biex tinstab ħatja, l-ajruplan irid ikun reġistrat Malta.

Madankollu l-liġi tgħid ukoll li jekk l-ajruplan ma jkunx reġistrat f’Malta iżda jkun f’territorju Malti waqt ir-reat, persuna tista’ tinstab ħatja xorta waħda. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Silvio Magro.