L-iżviluppi fl-istorja tal-ħtif u l-ħelsien ta’ Martin Galea fil-Libja tkompli turi eżatt x’tip ta’ Gvern għandna.
Jippoppa u jwarrab lil kulħadd
L-aktar xbieha li tibqa’ f’moħħ kulħadd hija żgur tal-Prim Ministru u l-Ministri li ħa miegħu jippuppaw fl-ajruport u jwarrbu lil kulħadd, anke lil mart l-ostaġġ u lil ibnu, biex Muscat jipprova jieħu l-krettu tal-ħelsien tal-ostaġġ Malti.
Il-krettu veru lil min salva lill-ostaġġ
Dan il-krettu Martin Galea stess tah lil min salvah veru, il-konslu – jiġifieri diplomatika ta’ Malta – Marisa Farrugia li l-Gvern Laburista kien issospenda u għamel investigazzjoni kontriha eżatt qabel jagħti stejjer lill-gazzetti kontriha.
Gvern li għeb fil-problema
Gvern tal-ippuppar li ħsiebu biss kemm jidher u kif jidher. Għax meta l-problema nqalgħet u l-ostaġġ Malti kien maqbud, il-Gvern kien qed iserraħ ras kulħadd li ma kien qed jiġri xejn fil-Libja, u l-Prim Ministru kien imsiefer jieħu r-ritratti.
Jipprova jgiddeb lill-ostaġġ
Gvern li jdawwar kliemu wkoll. Skont l-ippuppar li rajna fl-ajruport, Martin Galea kien maħtuf u ġie salvat. Imma mbagħad il-Gvern stess beda jagħti lill-gazzetti ħbieb tiegħu stejjer biex jiskreditaw lill-ostaġġ, jgħidu li mhux veru kien maqbud u saħansitra jakkużaw lill-ostaġġ li kien qed jigdeb u li mhux veru kellu ġrieħi.
Ħatriet tal-pjaċir
Storja wkoll li fiha rajna d-differenza bejn il-ħatriet tal-mertu u l-ħatriet tal-pjaċir. Għandna Gvern li wegħedna ħatriet skont il-mertu, imma li fl-aktar ambaxxati importanti għamel ħatriet tal-pjaċir.
L-Ambaxxatur għeb
U f’din l-istorja rajna dil-ħaġa sal-massimu. Għax waqt li l-konslu, diplomatika tal-karriera, salvat lill-ostaġġ kif qal hu stess, l-Ambaxxatur maħtur mill-Gvern Laburista ma deher imkien. Imkien.
Il-Gvern dar fuq id-diplomatika vera
U x’ħin il-Gvern ġie dahru mal-ħajt u sar magħruf għal kulħadd kemm żbalja l-Gvern meta qal li fil-Libja ma kienx hemm għalfejn ninkwetaw, ma darx fuq l-Ambaxxatur li ħatar hu stess, imma spiċċa jdur fuq diplomatika li l-Gvern kien għadu kemm issospenda u invetiga għal xhur sħaħ.
Gvern konsistenti fl-ippuppar
Dan hu l-Gvern li għandna. Li jwarrab lil min għandu l-mertu, li jagħmel ħatriet tal-pjaċir imħallsin minn flus il-poplu, imma li meta jiġi għas-si u n-no ma jdurx fuq min ħatar hu stess. Gvern li l-ewwel jgħid li kien hemm ħtif imbagħad jipprova jiskredita lill-istess ostaġġ. Imma Gvern li f’ħaġa hu konsistenti: fl-ippuppar.