Ekonomija Lokali

Il-Gvern Laburista żied l-impjegati mal-Gvern b’2,000 f’sena

Ċifri li ħarġu llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jikkonfermaw li, bejn Marzu 2013 u Marzu 2014, il-Gvern Laburista żied il-Ħaddiema mal-Gvern b’1,900. Għall-Partit Nazzjonalista, dan hu wieħed mill-modi kif il-Gvern qed jipprova jaħbi l-qgħad, li fl-ewwel xhur tal-Gvern Laburista għolla rasu b’mod sostanzjali.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Impjiegi u l-Persuni b’Diżabbiltà Stephen Spiteri, il-PN qal li wara snin twal li fihom konna rajna lis-settur privat iżid b’mod qawwi ħafna s-sehem tiegħu fl-impjiegi full-time, din ix-xejra issa qed titreġġa’ lura u s-sehem tal-privat fl-impjiegi kollha f’Malta reġa’ beda jonqos.

Il-Gvern Laburista wiret ekonomija b’saħħitha li kienet felħet sewwa għall-maltemp dinji ta’ bejn l-2008 u l-2013. Barra minhekk, l-ekonomija dinjija u Ewropea rkupraw fl-aħħar sena. Għalhekk, m’hemm l-ebda raġuni ġejja minn barra għaliex il-Gvern Laburista kellu għalfejn jipprova jaħbi l-qgħad b’żieda ta’ elfejn ruħ mal-gvern fl-aħħar sena, temmet tgħid l-istqarrija.