Lokali

Investiment qawwi mill-UE jissarraf f’ħelikopter b’faċilitajiet mill-aqwa għall-FAM

Il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) issa għandhom ħelikopter ieħor b’faċilitajiet mill-aqwa biex jintuża’ f’mumenti diffiċli waqt il-ħidma ta’ salvataġġ li l-FAM iwettqu regolarment fuq il-baħar. B’investiment qawwi mill-Unjoni Ewropea, il-ħelikopter Agusta Westland hu mgħammar bl-aħħar tekonoloġija u għandu l-potenzjal jopera taħt kundizzjonijiet tat-temp mill-aktar diffiċli.

Il-ħelikopter għandu wkoll apparat speċjalizzat ta’ sorvejlanza, li permezz tiegħu s-suldati Maltin ikunu jistgħu jidentifkaw immedjatament, u permezz tat-teknoloġija, persuni li jkunu mitlufin fuq il-baħar bil-lejl. Dan kien inawgurat waqt ċerimonja fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, f’hangar tal-FAM, li ghaliha attendew il-Ministru Manwel Mallia u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg, kif ukoll l-ogħla Uffiċjali tal-FAM. L-investiment f’dan il-ħelikopter hu ta’ €15 miljun, li 75% minnhom ġew mill-UE.

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Manwel Mallia enfasizza l-importanza li dan il-ħelikopter għandu jkompli jsaħħaħ lill-FAM fil-ħidma tagħhom ta’ sorveljanza quddiem l-isfidi li għandhom fiż-żminijiet tal-lum. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg tkellem dwar il-benefiċċji li l-FAM qed jieħdu mill-finanzjament tal-UE. Spjega kif il-FAM gawdew minn 10 proġetti, li bejniethom fissru investiment ta’ madwar €38 miljun. Sal-15 ta’ Ġunju 2015 mistennija jitlestew tliet proġetti oħrajn, b’investiment addizzjonali ta’ €11 miljun.

B’kollox il-FAM se jkunu bbenefikaw minn investiment ta’ madwar €50 miljun mill-UE.