Edukazzjoni Għawdex Lokali

Jitneħħa l-Kap tal-Iskola tal-Arti biex minflok jitlaħħaq qarib ta’ Justyne Caruana

Wara li f’Ġunju l-Gvern qabad u żgombra dik li kienet l-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem Għawdex biex tiġi mibdula f’kampus tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), issa l-Gvern neħħa l-Kap ta’ din l-Iskola. Minfloku, jidher li ħatar jew se jaħtar persuna li tiġi mill-qrib mis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, li wkoll hi Għawdxija. MaltaRightNow.com jinsab infurmat li kien fil-jiem li għaddew, li l-Kap tal-Iskola tal-Arti Joe Attard tneħħa minn din il-kariga biex issa ntbagħat bħala għalliem fi skola tas-subien.

L-informazzjoni li għandna tgħid li minfloku, il-Gvern permezz tal-Ministeru tal-Edukazzjoni appunta jew jinsab qrib li jappunta persuna li hi qariba tas-Segretarju Parlamentari Caruana. Mhux maghruf saritx sejħa biex timtela din il-kariga u kif saret l-għażla. Li hu żgur, qalulna s-sorsi li tkellmu magħna, hu li biex tmexxi skola speċjalizzata bħal dik tal-Arti, hu ovvju li trid tkun kwalifikat sew fit-taghlim tal-Arti u mhux biżżejjed li tkun artist.

Mhux magħruf jekk il-persuna identifikata, li għandha madwar 35 sena, għandhiex il-kwalifiki meħtieġa u l-kriterji li jagħmluha eliġibbli biex tmexxi skola bħal din. Fi tweġiba għal mistoqsijiet mibgħuta minn MaltaRightNow.com, kelliem għall-Ministeru mmexxi minn Evarist Bartolo kkonferma li Attard tneħħa minn din il-kariga u ntbagħat fi skola oħra. Madankollu, il-kelliem naqas milli jikkonferma l-għażla tal-Kap il-ġdid tal-Iskola tal-Arti. Qal biss li dawn il-ħatriet isiru fuq il-bażi ta’ eliġibbiltà, mertu u kwalifiki.

Fit-2 ta’ Ġunju li għadda, l-għada li l-Prim Ministru Muscat ħabbar il-pjan tal-Gvern dwar kampus tal-MCAST f’Għawdex waqt attività politika tal-Partit Laburista, li Uffiċjali mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni marru għall-gharrieda fl-Iskola tal-Arti u ordnaw lill-għalliema jiżgumbraw l-Iskola u minflok, mill-għada, jirrappurtaw fl-Iskola tax-Xewkija. Ir-raġuni kienet għax l-iskola tagħhom kien se jeħdilha postha l-kampus tal-MCAST f’Għawdex. B’hekk, l-istudenti tal-MCAST ma jibqgħux sparpaljati fi skejjel differenti madwar Għawdex u minflok ma l-Gvern Laburista bena kampus ġdid.

L-għalliema u l-membri tal-istaff tal-Iskola tal-Arti, li kienet proġett ta’ Gvern Nazzjonalista b’fondi Ewropej, dakinhar kienu esprimew ir-rabja tagħhom għall-mod kif kienu ġew trattati, tant li kellhom jużaw il-karozzi personali tagħhom biex iġorru l-affarijiet minn skola għal oħra għax dak il-ħin stess bdew jinbidlu s-serraturi tal-bibien prinċipali tal-Iskola. Aktar tard, ħafna għalliema tal-MCAST f’Għawdex ukoll kienu ddikjaraw li ħassewhom ingannati u ddiskriminati għax f’laqgħa li kellhom aktar kmieni mal-Ministru Bartolo, kienu ġew imwegħda mod ieħor dwar il-kampus il-ġdid.

Aktar tard kien ħareġ ukoll li d-deċiżjoni ttieħdet mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo minħabba li wara l-aħħar elezzjoni, l-Edukazzjoni f’Ghawdex tneħħiet minn taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, bid-deċiżjonijiet dwar Għawdex jittieħdu minn Malta. Eventwalment, irriżulta wkoll li din il-kwistjoni kienet ukoll fost il-fatturi li wasslu għar-rizenja ta’ Mario Azzopardi minn Direttur tal-Lifelong Learning fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni wara li lanqas dan, minkejja li suppost li l-iskejjel speċjalizzati jaqgħu taħtu, ma ġie kkonsultat.