Wara li lbieraħ, l-artikolista u opinjonista Daphne Caruana Galizia ppreżentat libelli kontra l-Avukat Toni Abela bħala l-Editur tal-gazzetta Laburista Kulħadd u żewġ libelli kontra l-Kap Eżekuttiv tal-Freeport Aaron Farrugia wara kummenti li ppubblika dwarha fuq Facebook u Twitter, dalgħodu r-raġel ta’ Caruana Galizia, l-Avukat Peter Caruana Galizia u l-Avukat Andrew Borg Cardona għamlu l-istess.
Dan wara li l-gazzetta tal-Partit Laburista ippubblikat storja fil-faċċata tal-gazzetta dwar allegati kuntratti li ngħataw taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Wieħed mir-ritratti wera wkoll lil Daphne Caruana Galizia. Min-naħa tiegħu, fuq Facebook Aaron Farrugia rrepeta l-istess li qalet il-gazzetta Laburista b’għotjiet ta’ kuntratti lil Caruana Galizia, żewġha, kif ukoll lill-Avukat Andrew Borg Cardona.
Għaldaqstant, fil-Qorti tal-Maġistrati, l-Avukati Peter Caruana Galizia u Andrew Borg Cardona ppreżentaw kawża ta’ libell għad-danni dwar ir-rapport, li sab ukoll il-barka u l-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tal-Freeport Aaron Farrugia, li kien ġie appuntat f’din il-pożizzjoni mill-Gvern Laburista. L-Avukati Caruana Galizia u Borg Cardona flimkien ma’ Daphne Caruana Galizia qed jiċħdu li ħadu jew kienu nvoluti f’xi kuntratt minn dawk li tagħmel referenza għalihom il-gazzetta Laburista.
L-Avukati qalu wkoll li dawn il-kummenti saru biss bi skop li jnaqqsu mir-reputazzjoni tagħhom u li huma malafamanti għal kollox. Qalu li dak li ngħad fuqhom hu libelluż u sar bl-iskop li jnaqqas u jtellef mir-reputazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, qed jitolbu lill-Qorti biex jingħataw id-danni lilhom skont il-Liġi tal-Istampa.
//= $special ?>

