Lokali

L-avvenimenti fil-Libja huma inkwetanti għall-pajjiżna, il-PN offra l-koperazzjoni sħiħa tiegħu – Chris Said

B’reazzjoni għall-mod kif il-Gvern qed jitratta s-sitwazzjoni mwiegħra fil-Libja, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li l-avvenimenti li qed jiżviluppaw f’dan il-pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq huma inkwetanti għal pajjiżna. Said elenka diversi raġunijiet għal dan, fosthom għax hemm numru ta’ Maltin li, jew qegħdin jaħdmu fil-Libja jew għandhom investiment fil-pajjiż, kif ukoll għax il-Libja hu pajjiż ġar tagħna. Meta jkun hemm instabbiltà f’pajjiż ġar, dejjem se jkun hemm riperkussjonijiet li jolqtu lil Malta, sostna Chris Said.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN fisser li sa mill-bidu nett, il-Partit offra l-koperazzjoni sħiħa tiegħu lill-Gvern. Hu fakkar li qabel ma eskalaw l-affarijiet fil-Libja, l-Oppożizzjoni kienet ressqet Mozzjoni biex is-sitwazzjoni tkun diskussa fil-Parlament u nsistiet li din il-Mozzjoni tkun dibattuta qabel ma l-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-Sajf. Qal li l-Oppożizzjoni kkritikat għal aktar minn darba għax ma kinitx qed tkun infurmata b’dak li kien qed jagħmel il-Gvern u b’dak li l-Gvern qed jagħmel għaċ-ċittadini Maltin fil-Libja. Ikkritikat ukoll dak li qed jagħmel il-Gvern biex jgħin lil dan il-pajjiż ġar tagħna.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN kompla li dan kollu qed joħroġ il-kuntrast kbir bejn dak li qed jiġri llum u dak li ġara tliet snin ilu. Fisser kif dak iż-żmien il-Gvern Nazzjonalista żamm lill-Oppożizzjoni, immexxija minn Joseph Muscat, kontinwament infurmata b’dak li kien qed jagħmel. Illum għandna fatti oħrajn li jinkwetawna, sostna Chris Said, li fakkar kif nies li kienu l-Libja qed jgħidu li ma sabu ebda bieb ta’ kenn. Hu fisser kif dawn in-nies bagħtu diversi emails u ppruvaw jikkuntattjaw lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, iżda baqgħu bla ebda tweġiba.

Kollox ma’ kollox, temm jgħid Chris Said, dan kollu hu xhieda tal-inkompetenza ta’ dan il-Gvern meta jiġi ffaċċjat b’sitwazzjonijiet diffiċli. Is-saħħa u l-għaqal tal-Gvern joħorġu meta jħabbat wiċċu ma’ sitwazzjoni diffiċli u mhux meta l-affarijiet ikunu plain sailing, saħaq is-Segretarju Ġenerali tal-PN.