Mistenni staġun ieħor pożittiv għall-industrija tal-ipproċessar tat-tadam, sew b’żieda fil-produzzjoni kif ukoll b’titjib fil-kwalità tal-prodott Malti li jispiċċa fuq il-mejda tal-familji. Waqt żjara liż-żewġ fabbriki Għawdxin li jipproċessaw it-tadam, Farmers Food Limited u Magro Brothers, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li l-Gvern qed jgħin lill-bdiewa li jipproċessaw it-tadam b’madwar €1 miljun.
Roderick Galdes tkellem dwar l-importanza ta’ dan is-settur, kemm għall-ghajxien ta’ mijiet ta’ bdiewa kif ukoll għal ħaddiema oħrajn li jagħmlu parti mill-katina ta’ dan il-proċess. Għalhekk, qal is-Segretarju Parlamentari, il-Gvern se jkompli jsostni din l-industrija importanti għall-pajjiż, speċjalment meta l-prodott Malti llum qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar minn qabel barra minn xtutna.
Matul iż-żjara f’Għawdex, Galdes iltaqa’ mal-bdiewa waqt il-ħidma tagħhom tal-qtugħ tat-tadam u wera l-apprezzament tiegħu għal dak li jagħmlu dawn in-nies minkejja s-sħana qawwija tas-Sajf. Semma’ wkoll id-Deroga li Malta rnexxielha tikseb mill-Unjoni Ewropea biex għas-seba’ snin li ġejjin din l-industrija tibqa’ tirċievi s-sostenn finanzjarju meħtieġ.
//= $special ?>