Internazzjonali Lokali

Numru ta’ ajruplani qed jaslu Malta b’persuni minn nazzjonijiet differenti evakwati mil-Libja

F’dawn is-sigħat, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, qed jaslu numru ta’ ajruplani b’numru ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti abbord. Dawn qed jiġu evakwati mil-Libja fid-dawl tas-sitwazzjoni mwiegħra li għaddejja fil-pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq.

L-ewwel titjira li waslet illum f’Malta kienet dik tal-Medavia, li ġabet lejn pajjiżna mara Filippina u 29 persuna oħra mit-Tajlandja. Imbagħad, għall-ħabta tat-3pm, wasal f’Malta ajruplan tal-kumpanija Petro Air, ibbażata fi Tripli, b’numru ta’ persuni oħra abbord.

Sadanittant, għall-ħabta tal-5pm l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ titjira oħra tal-Medavia, li waslet f’pajjiżna 31 persuna. Dawn huma 14-il ċittadin mill-Filippini, 11 mit-Tajlandja, erbgħa mill-Vjetnamm u Indjan, filwaqt li l-kumplament huma ċittadini Ewropej.

Imbagħad, għall-ħabta tas-6pm, madwar 43 ċittadin Malti mistennija jirritornaw f’pajjiżna abbord titjira tal-Medavia minn Mitiga. Barra minhekk, għall-ħabta tas-7pm mistennija jaslu 11-il persuna oħra abbord titjira minn Labraq, viċin Bengażi.

Informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li minbarra dawn, fl-aħħar sigħat waslu wkoll żewġ titjiriet oħrajn li ħarġu mil-Libja numru ta’ Libjani.

(Ritratt: mill-Arkivji)