Id-Dipartiment tad-Dwana għamel qabda rekord ta’ 64 miljun sigarett tal-kuntrabandu li kienu destinati għall-Ewropa. Fi stqarrija, kien spjegat li s-sigaretti nstabu f’disa’ kontejners ta’ 40 pied kull wieħed, li nqabdu fil-Port Ħieles fi triqithom mill-Ażja.
Fil-kontejners kienu ddikjarati li hemm għamara u ġugarelli għat-tfal. Madankollu, wara tfittxijiet li saru fuqhom, irriżulta li minbarra dawn kien hemm ukoll is-sigaretti, li ma kienux dikjarati. Uffiċjali tad-Dwana studjaw bir-reqqa l-moviment ta’ tlieta mill-kontejners wara li kellhom suspett fid-dokumentazzjoni ppreżentata. Scanning li sar mill-Uffiċjali wassal ukoll għas-sejba tas-sitt kontejners l-oħra, li wkoll kellhom sigaretti moħbija bl-istess mod.
Id-Dipartiment tad-Dwana qal li bir-rati lokali, il-qabda tas-sigaretti kienet tinvolvi dazi u taxxi ta’ aktar minn €12 miljun, filwaqt li qalet li s-sigaretti se jinqerdu fil-jiem li ġejjin u l-oġġetti l-oħra jsiru tal-Gvern.
//= $special ?>

