Lokali

Residenti nkwetati minħabba ż-żieda fil-kriminalità

Il-Partit Nazzjonalista jinkwieta b’aħbar bħalma ġiet irrappurtata llum bi prominenza minn The Times, dwar iż-żieda sostanzjali fil-kriminalità u s-serq mid-djar b’mod speċjali fiż-żoni ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li b’dispjaċir nnota li dan huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ pulizija fit-toroq Maltin u Għawdxin, b’mod speċjali f’dawn iż-żewġ lokalitajiet. Dan huwa r-riżultat ukoll ta’ numru kbir ta’ transfers li saru fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar xhur.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li l-aktar deċiżjoni li wasslet biex ma jiġix ikkontrollat is-serq mid-djar tal-familji Maltin u Għawdxin hija dik tat-twaqqif tat-taħriġ tal-Pulizija tad-Distretti.

Qabel Mejju tas-sena li għaddiet, kull membru tal-Korp tal-Pulizija, inkluż id-900 Pulizija tad-Distrett kienu jirċievu minimu ta’ 8 siegħat taħriġ obbligatorju, akkademiku u fiżiku, kull xahar fl-Akkademja tal-Pulizija.

Għal xi raġuni jew oħra, iżda, l-Gvern ta’ Joseph Muscat waqqaf dan it-taħriġ, bil-konsegwenza li kif qed jiġi rrappurtat, qed tiżdied il-kriminalità f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkuda li sfortunatament, l-Oppożizzjoni qed tingħata raġun. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jagħmel appell lill-Gvern biex jerġa’ jibda dan it-taħriġ u jsaħħaħ id-Distretti mill-aktar fis possibli.