Reġgħet feġġet il-kwistjoni dwar kif għandha tissejjaħ il-lokalità tal-Furjana. Din il-kwistjoni kienet bdiet wara li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti kien iddeċieda li l-lokalità għandha tissejjaħ bħala l-Furjana. Abbażi ta’ dan, f’April li għadda l-Awtorità tax-Xandir bagħtet Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tax-xandir u nfurmathom bl-ismijiet uffiċjali tal-lokalitajiet Maltin u Ghawdxin, skont dak li ddeċidiet l-awtorità responsabbli mill-kitba tal-Malti.
Dakinhar kien ingħad li l-użu tal-kelma Floriana hu użu ħażin tal-ilsien Malti. Madankollu, issa l-Kunsill Lokali tal-Furjana qed joġġezzjona għal din id-deċiżjoni. F’ittra li s-Sindku Nigel Holland bagħat lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Pierre Cassar, ġibidlu l-attenzjoni li jgħid x’jgħid il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-isem uffiċjali tal-lokalità skont il-Liġi tal-Kunsilli Lokali hu Floriana u mhux il-Furjana.
Skont is-Sindku, li qal li l-Kunsill kien diġà ddiskuta din il-materjal ma’ Uffiċjali tal-Kunsill tal-Malti, wieħed jiskanta kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti jidher li hu mqabbad biss ma’ din il-lokalità. Dan għaliex mhux magħruf jekk għamilx l-istess fir-rigward ta’ lokalitajiet oħrajn li għandhom isem uffiċjali mod, iżda l-poplu jirreferi għalihom mod iehor, bħal Paola u Marsaskala, li n-nies jafuhom aktar bħala Raħal Ġdid u Wied il-Għajn.
Is-Sindku Furjaniż temm jgħid li l-Kunsill Lokali mhuwiex daqshekk inkwetat għall-mod kif in-nies jirreferu għal-lokal tiegħu, iżda l-importanti għalih hu li jkun konservat l-isem storiku uffiċjali tal-lokalità, li ġej minn isem l-Inġinier militari Pietro Paolo Floriani, li bena s-swar li jdawwru l-post.
//= $special ?>