Editorjal

Editorjal: Tnaqqis konsistenti fil-bejgħ bl-għafsa fuq il-pagi

Jumejn ilu ħarġu ċifri li reġgħu kienu inkwetanti dwar il-bejgħ fil-ħwienet f’Malta u li jikkonfermaw li l-bejgħ qed jonqos konsistentement, u li t-tnaqqis tal-bejgħ f’Malta hu kontra x-xejra fil-bqija tal-Ewropa.

Il-bejgħ f’Malta jonqos…
Iċ-ċifri ħarġu mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea għal Ġunju li għadu kemm għadda. Fuq ix-xahar ta’ qabel, il-bejgħ fil-ħwienet f’Malta bata tnaqqis ta’ aktar minn 1 fil-mija, meta fil-bqija tal-Ewropa mhux naqas imma żdied.

…f’kuntrast mal-bqija tal-Ewropa
Meta mbagħad Ġunju tqabblu mal-istess xahar ta’ sena qabel, f’Malta l-bejgħ fil-ħwienet sofra tnaqqis ta’ kważi 2 fil-mija meta fil-bqija tal-Ewropa żdied. U għalhekk f’Malta l-bejgħ qed jonqos f’kuntrast mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej.

Xejra konsistenti ta’ tnaqqis
U din mhix xejra ta’ xahar wieħed li tgħid forsi eċċezzjoni. Anzi, fl-aħħar xhur, Malta konsistentement kellha tnaqqis fil-bejgħ fil-ħwienet meta fil-bqija tal-Ewropa konsistentement il-bejgħ kien qed jiżdied.

Konferma miċ-ċifri dwar l-importazzjoni tal-prodotti għall-konsum
Dawn huma ċ-ċifri uffiċjali li qed jikkonfermaw dak li, fuq kollox, qed jgħidu tal-ħwienet stess, u anke dawk li jfornuhom bil-provvisti. Fil-fatt, anke ċ-ċifri tal-importazzjoni tal-prodotti tal-konsum ukoll juru tnaqqis – kollha jorbtu flimkien.

Indikaturi tar-raġuni għat-tnaqqis
Ix-xejra ta’ tnaqqis f’Malta kontra ż-żieda fl-Ewropa turi li r-raġuni għal dan it-tnaqqis f’Malta rridu nsibuha. U ċifri oħrajn tal-Gvern stess qed jindikawlna x’jistgħu jkunu.

Żieda fil-qgħad moħbija bl-impjiegi mal-gvern
Hemm l-ewwel nett il-fatt li għal numru ta’ xhur il-qgħad żdied. Il-Gvern imbagħad daħħal skoss nies miegħu u ċ-ċifri tiegħu stess juru żieda qawwija fl-impjiegi mal-gvern, hekk li mhux biss daħħal minflok dawk li jirtiraw imma żied sostanzjalment.

Żieda żgħira ferm fil-pagi ħdejn iż-żidiet qabel
Hemm ukoll ċifri li juru fatt ġdid – li fl-ewwel sena ta’ dal-Gvern, il-paga medja żdiedet b’ferm anqas milli kienet tiżdied qabel. Fl-ewwel sena sħiħa tal-Labour, il-paga medja żdiedet b’100 ewro meta qabel kienet tiżdied b’500.

Eżempju ħażin tal-Gvern stess fl-EneMalta
U l-Gvern xejn mhu jagħti eżempju tajjeb għax lill-ħaddiema tiegħu fl-EneMalta qed inaqqsilhom id-dħul – ħlief għall-mara tal-Ministru tal-EneMalta, naturalment.

Għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema konfermata mit-tnaqqis tal-bejgħ fil-ħwienet
U hawn nistgħu naraw raġuni għala l-bejgħ fil-ħwienet qed jonqos meta m’hemm l-ebda raġuni ġejja minn: l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema f’Malta ma tirriżultax biss mill-istatistika tal-Gvern imma wkoll mill-bejgħ jonqos fil-ħwienet.