Lokali

Filmat: Jibqa’ tiela’ bil-karozza tiegħu fuq karozza oħra imma jibqa’ sejjer

Il-Pulizija qed tanalizza filmat miġbud minn camera tas-sigurtà li turi ħabta mhux tas-soltu f’Ħal Lija. Il-filmat juri li l-każ seħħ ilbieraħ ftit qabel id-9am. Fl-inċident, vettura tat-tip Rover litteralment telgħet fuq vettura tat-tip Peugeot pparkjata fi Triq Annibale Preca. Wara li nqala’ minn fuq il-vettura l-oħra, din baqgħet sejra fi triqtha qisu qatt ma ġara xejn.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li persuna li kienet għaddejja mit-triq rat in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura u qalet b’dan lil sidt il-vettura pparkjata. Minkejja li hemm ix-xhud li għenet biex ikun identifikat sid il-vettura, il-Pulizija għadha qed tanalizza sew il-filmat. Madankollu, il-Pulizija qed iżżomm nota tas-suspettat skont in-numru ta’ reġistrazzjoni rrappurtat.

Min-naħa tagħha, sidt il-vettura pparkjata, Christina Pace, tellgħet il-filmat fuq Facebook wara li rrappurtat il-każ lill-Pulizija. L-informazzjoni li għandna tgħid li Pace kienet għadha kif tasal id-dar għall-ħabta tat-8.30am u kienet infurmata b’dak li ġara għall-ħabta tal-9.50am.