L-għaqda non-governattiva ‘Klezmorimalta Foundation’, li ġiet mnedija mill-koppja Olandiza Ralph u Birgit Albrecht, qed taħdem biex tipproteġi u toħloq apprezzament tal-mużika u l-instrumenti akustiċi u l-mod tradizzjonali ta’ kif din il-mużika tiġi kreata.
Birgit Albrecht, waħda mill-fundaturi ta’ Klezmorimalta Foundation spjegat li l-mużika dejjem kienet importanti f’ħajjet il-koppja u għalkemm il-fundaturi m’humiex mużiċisti, jifhmu li l-mużika hija metodu ta’ espressjoni umana li tqanqal ħafna emozzjonijiet, u huwa dan li l-koppja tixtieq tipproteġi permezz tal-fondazzjoni.
Hi spjegat li biex mużicist jitgħallem idoqq tajjeb instrumenti bħal klarinett jew il-kontrabaxx, ikun hemm bżonn prattika għal perjodi twal, iżda llum ħafna jaħsbu li l-kompjuter jista’ jagħmel l-istess ħaġa. Madanakollu, tispjega Birgit Albrecht, meta tneħħi l-mużiċist, l-udjenza titlef ir-rispett lejn il-mużika, lejn l-instrument u xi drabi anki lejn l-artist. Huwa għal din ir-raġuni li aħna ddeċidejna li npoġġu l-kelma ‘klezmorim’ fl-isem tal-fondazzjoni. Il-fundatriċi spjegat li din il-kelma tirrappreżenta l-mużiċisti professjonali li jdoqqu l-mużika ‘klezmer’ fil-lvant tal-Ewropa.
Il-fatt li Birgit u Ralph għażlu l-Malta bħala s-sit tal-għaqda non-governattiva tagħhom m’għandha tissorprendi lil ħadd, hekk kif matul is-snin il-qagħda ġeografika tal-pajjiż għenet biex il-kultura Maltija tiġi influenzata minn ħafna tipi ta’ kulturi oħra – kemm ta’ dawk li ħakmuha kif ukoll tal-pajjiżi qraba tagħha.
Il-Klezmorimalta Foundation twaqqfet ukoll bl-għan li tħeġġeġ l-edukazzjoni fil-mużika, u l-protezzjoni tal-mużika billi l-kultura titħalla tavvanza b’mod naturali, mingħajr intoppi u mingħajr sfurzar, anzi, permezz ta’ djalogu bejn artisti Maltin u barranin.
Il-Klezmorimalta Foundation qed tispera li jirnexxilha tagħmel dan billi torganizza avvenimenti li jagħqdu l-artisti u l-pubbliku flimkien fi spazju wieħed. Filfatt se jkunu qed jittella’ ‘Klezmorimalta Nights’ – kunċert ta’ mużika klezmer li ser jsir ġewwa Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta, fid-29 u fit-30 ta’ Awwissu.
Ritratt: Ralph u Birgit Albrecht: fundaturi tal-fondazzjoni ‘Klezmorimalta’
//= $special ?>