Brendan Cachia, id-deliveryman li t-Tlieta li għadda kien rappurtat nieqes wara li mar iqassam xi xirjiet u baqa’ ma rritornax fil-post tax-xogħol, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea b’miżapproprjazzjoni ta’ flus, jiġifieri li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqin, kif ukoll fuq pussess ta’ kokaina. Li ġara kien li huwa biegħ l-oġġetti kollha li kellu jqassam f’isem il-post tax-xogħol fejn jaħdem.
Cachia, ta’ 27 sena mill-Birgu, ġie mixli li bejn il-5 u s-6 ta’ Awwissu żamm għalih is-somma ta’ €715 għad-dannu ta’ Jonathan Micallef. Hu ġie mixli wkoll b’pussess ta’ kokaina u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti f’April li għadda. Brendan Cachia kellu jqassam xogħol tal-merċa lil ħamest idjar, iżda naqas li jagħmel dan u għalhekk li l-konsumaturi bdew iċemplu lil min iħaddmu għax baqgħu ma rċevew xejn.
Saret telefonata lil Cachia, li wieġeb li kien Birżebbuġa, iżda minn hemm ‘il quddiem ma setax jinbqabad bil-mobile minħabba li kien mitfi. It-tieni telefonata saret madwar siegħa u r-rapport li hu nieqes sar aktar tard qabel ma nstab fir-residenza tiegħu. Cachia ammetta l-akkużi miġjubin kontrieh. L-Ispettur Robert Said Sarreo, li mexxa l-Prosekuzzjoni, iddeskriva dan il-każ bħala “ġennata” u qal li l-każ seħħ minħabba l-problema ta’ droga li għandu l-imputat. Qal ukoll li għall-ġid tiegħu, hu importanti li Cachia jaffaċċja l-vizzju tiegħu.
Il-Maġistrat Galea qalet li ma kinitx se tagħti s-sentenza u għalhekk ordnat li jsir pre-sentencing report. Min-naħa l-oħra, hi tat il-ħelsien mill-arrest lil Cachia fuq garanzija personali ta’ €2,000 u bil-kundizzjoni li ma joħroġx mid-dar bejn 12am u s-7am. Għalih deher l-Avukat Noel Bartolo.
//= $special ?>

