Internazzjonali

Iġarrbu l-ħsarat mill-għargħar

IS-SERBJA u IL-BOSNIJA: Talanqas raġel tilef ħajtu b’konsegwenza tal-għargħar li faqa’ l-artijiet tas-Serbja u t-territorji f’Bosnia Erzegovina. Intant, il-popli ta’ dawn il-pajjiżi qed ibatu l-effetti tal-maltemp proprju tliet xhur waqt li inċidenza oħra ta’ għargħar qawwi qatlet kważi tmenin persuna fir-reġjun.

Numru ta’ toroq, pontijiet u mijiet ta’ djar fil-Punent tas-Serbja, kif ukoll fiċ-ċentru u t-Tramuntana tal-Bosnia ġarrbu l-ħsarat sostanzjali mill-aħħar għargħar, li kien ikkaġunat minn xita qawwija.

L-għargħar li laqat l-istess zona f’Mejju li għadda kien affettwa lil kważi żewġ miljun persuni minbarra li kkaġuna l-ħsarat ekwivalenti għall-biljuni tal-ewro. Ħafna mill-vittmi, dak iż-żmien, ikkritikaw il-mod kif l-awtoritajiet kienu irreaġew għall-kriżi.

L-aħħar rapporti mis-Serbja sostnew li raġel anzjan għereq fl-għargħar li faqa’ l-inħawi ta’ Banja Koviljaca. Intant, numru ta’ residenzi fil-belt ta’ Loznica sfaw mgħarrqin wara li x-Xmara Stira telgħet l-art, u bir-residenti jkunu kostretti li jabbandunaw djarhom.