Lokali

Il-GWU f’tilwima industrijali mal-Air Malta

Il-General Workers Union (GWU) iddikjarat tilwima industrijali mal-Air Malta. Fi stqarrija, il-GWU qalet li qed tiddikjara din it-tilwima minħabba li l-Management tal-kumpanija naqas milli jaħtar Manager għar-Riżorsi Umani biex jitkompla u jiġi konkluż il-proċess ta’ ristrutturar li ilu żmien twil pendenti.

Il-GWU qalet li l-ħtieġa li ssir din il-ħatra hi urġenti għax il-ħaddiema li kienu milquta mir-ristrutturar għadhom ma jafux liema salarju għandu jkun abbinat mad-dmirijiet tagħhom, minkejja li fis-snin li għaddew id-doveri ta’ dawn il-ħaddiema ġew mibdula jew miżjuda.

F’ittra mibgħuta lill-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-GWU fakkret fil-laqgħa li saret xahar ilu u li skont il-Union baqgħet ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-kumpanija. Għaldaqstant, b’effett minn għada, il-GWU se tkun qed tirrikorri għal dawk l-azzjonijiet li tħoss li jkunu meħtieġa.

Il-GWU qalet li għarrfet ukoll bit-tilwima industrijali lill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li taħt id-dekasteru tiegħu hemm ukoll l-Air Malta.