Familja li tgħix l-Ingilterra hi l-ħames miljun passiġġier tal-linja tal-ajru low cost Ryanair mindu bdiet ittir lejn Malta tmien snin ilu. Il-familja Archer minn Luton, magħmula mill-missier Philip, l-omm ta’ nazzjonalità Maltija Francesca u uliedhom Finlay u Emeline, intlaqgħet mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis wara l-inżul mill-ajruplan fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Hekk kif daħlet fl-Ajruport, il-familja Archer ingħatat merħba b’daqq tal-accordion u minn żeffiena tal-grupp Paul Curmi Dancers, kif ukoll ingħataw rigal tal-ħelu. Il-Ministru Zammit Lewis fisser kif il-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u Ryanair qed jaħdmu id f’id biex jiżdied in-numru ta’ turisti li jżuru Malta. Qal li l-linja tal-ajru low cost bdiet ittir lejn Malta fl-2006, bl-ewwel titjira kienet proprju minn Luton segwita minn titjiriet minn Pisa, imbagħad minn Dublin.
Edward Zammit Lewis spjega kif Ryanair hi t-tieni l-akbar linja tal-ajru, wara l-Air Malta, li ttir minn u lejn pajjiżna. Tant hu hekk li l-linja tal-ajru Irlandiża għandha sehem 28% mis-suq. Qal li bħalissa qed isiru l-aħħar negozjati biex ikun finalizzat ftehim dwar l-iskeda tal-ajru għax-Xitwa. Il-ħsieb hu li Ryanair ittir minn Malta lejn 16-il destinazzjoni.
Min-naħa tagħha, is-Sales & Marketing Manager ta’ Ryanair Maria Macken qalet li l-aħbar tal-wasla tal-ħames miljun passiġġier f’Malta hi kisba kbira u l-linja tal-ajru low cost qed tħares ‘il quddiem lejn aktar suċċessi. Sal-lum, Ryanair qed ittir lejn 28 rotta fi 11-il suq differenti tat-turiżmu lejn Malta.
//= $special ?>

