Lokali

Il-Ministru Joe Mizzi jrid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ żjara tinten – il-PN

Mistoqsi minn The Malta Independent, il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi llum għamel ammissjoni ċara taż-żjara tinten li għamel għand il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon. Il-Ministru Mizzi ammetta li mar Spanja għand din il-kumpanija li tefgħet offerta għall-kuntratt tat-trasport pubbliku.

Dan jikser b’mod ċar il-kundizzjonijiet li hemm fl-Espressjoni ta’ Interess għas-servizz tat-trasport pubbliku, li tgħid bl-aktar mod kategoriku li l-Ministru ma jista’ jitkellem ma’ ebda kumpanija li tkun tefgħet offerta għall-kuntratt.

Dan jingħad fi klawsola 10 tal-Espressjoni ta’ Interess, li tgħid li ma jista’ jsir ebda kuntatt bejn l-offerent u xi Uffiċjal tal-Gvern fl-ebda stadju tal-offerta. Klawsoli oħra tal-Espressjoni ta’ Interess jikkonfermaw din il-kundizzjoni.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura u t-Trasport Toni Bezzina, il-Partit Nazzjonalista qal li dak li qed jammetti l-Ministru Mizzi jagħmel din iż-żjara waħda tinten. Il-Ministru Mizzi għandu d-dmir gravi jgħid x’mar jagħmel Spanja kontra l-kundizzjonijiet li hu stess u Transport Malta fasslu fl-Espressjoni ta’ Interess, temmet tgħid l-istqarrija.