Ambjent Lokali

Irrifjutata l-applikazzjoni għal żvilupp ta’ medda art f’Ħ’Attard

Aġġornata

Wara pressjoni qawwija li saret mir-residenti ta’ Ħ’Attard, il-Bord tal-MEPA rrifjuta l-applikazzjoni biex ikun determinat il-Kontroll tal-Ippjanar ta’ medda ta’ art li fiha 17,000 metru kwadru f’Ħ’Attard.

L-art tifforma parti mill-Proċess ta’ Razzjonalizzazzjoni f’Ħ’Attard u parti mill-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta. Għalkemm l-art imsemmija hi f’żona li tista’ tkun żviluppata, jidher li kien hemm diskrepanzi fil-qisien approvati mill-Parlament u dawk proposti mill-Perit Colin Zammit, f’isem l-applikant.

Il-Perit ippreżenta tliet pjanti differenti, fosthom għal appartamenti u għal djar ‘terraced’ u vilel.

Il-Perit Patrick Mifsud f’isem id-Direttorat tal-MEPA qal li skont l-ezeċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni hemm deċizjoni li ż-żona tkun żviluppata. Imma d-Direttorat ippropona li l-applikazzjoni tkun rifjutata għax l-iżvilupp propost se jsir fuq area akbar minn dik li dehret fl-eżercizzju ta’ razzjonalizzazzjoni.

Matul il-laqgħa pubblika diversi residenti ta’ Ħ’Attard ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom għal din l-applikazzjoni u talbu li l-Bord tal-MEPA jirrifjuta l-permess.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius li wkoll joqgħod qrib iż-żona proposta għall-iżvilupp talab li jara d-dokumenti uffiċjali tal-Parlament dwar il-pjan ta’ razzjonalizzazzjoni u fakkar li l-area kellha tkun għall-iżvilupp ta’ vilel biss. Hu qal li l-applikazzjoni proposta kienet oxxenita` u qal li kien lest iressaq mozzjoni fil-Parlament biex l-iżvilupp propost ma jsirx.

Il-Viċi Sindku ta’ Ħ’Attard Marco Spiteri fakkar li mis-sena 2004 ‘l hawn il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’attard dejjem kien kontra dan l-iżvilupp.

Fl-aħħar sigħat ir-residenti ta’ Ħ’Attard organizzaw protesta kontra l-iżvilupp taż-żona kif propost fl-applikazzjoni li tressqet quddiem il-MEPA.

Sadattant aktar kmieni, il-MEPA ma laqgħetx applikazzjoni biex isiru emendi u estensjoni ta’ 18-il unit diġa’ approvati u ż-żieda ta’ żewġ penthouses fi Triq Sammy Bartolo, fil-Mellieħa. Il-Bord tal-MEPA imma approva li dan l-iżvilupp isir bid-differenza li jkun imtarraġ, li jsiru l-penthouses u talab lill-Perit tal-applikant jissottometti pjanti ġodda fi żmien għaxart ijiem.

16:06 Aktar kmieni…

Wara pressjoni qawwija li saret mir-residenti ta’ Ħ’Attard, il-Bord tal-MEPA rrifjuta l-applikazzjoni biex ikun determinat il-Kontroll tal-Ippjanar ta’ medda art, li fiha 17,000 metru kwadru f’Ħ’Attard.

L-art tifforma parti mill-Proċess ta’ Razzjonalizzazzjoni f’Ħ’Attard u parti mill-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta. Għalkemm il-medda art hi f’żona li tista’ tkun żviluppata, jidher li kien hemm diskrepanzi fil-qisien approvati mill-Parlament u dawk proposti mill-Perit Colin Zammit f’isem l-Iżviluppatur.

Il-Perit ippreżenta tliet pjanti differenti, fosthom għal appartamenti u anke għal appartamenti u vilel.