Ekonomija Lokali

Jiżdied l-iżbilanċ fil-kummerċ internazzjonali ta’ Malta

Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li dak li hu magħruf bħala l-iżbilanċ fil-kummerċ internazzjonali ta’ Malta, f’Ġunju kiber b’aktar minn €150 miljun. B’hekk, id-differenza bejn dak li jesporta u dak li jimporta pajjiżna issa tlaħħaq it-€342 miljun. F’Ġunju 2013, dan l-iżbilanċ kien jammonta għal €191 miljun.

Iċ-ċifri tal-NSO juru li filwaqt li żdiedu l-importazzjoni u anke l-esportazzjoni, iż-żieda f’dak li timporta Malta kienet ferm akbar minn dak li nesportaw bħala pajjiż: €166 miljun imqabbel ma’ €16 miljun. L-istess statistika tal-NSO tagħti wkoll rendikont tal-iżbilanċ fil-kummerċ internazzjonali fl-ewwel nofs tal-2014. Anke għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju, dan l-iżbilanċ żdied bi ftit aktar minn €12 miljun, biex issa jinsab fil-livell ta’ €951 miljun.

F’dan il-każ, meta mqabbel mal-ewewl sitt xhur tal-2013, kien hemm tnaqqis sew fl-importazzjoni u anke fl-esportazzjoni. L-importazzjoni naqset bi €53 miljun, filwaqt li l-esportazzjoni naqset b’€65 miljun.

L-inċertezza ekonomika qed twassal għall-għafsa fuq il-pagi – il-PN

Din l-istatistika tkompli jikkonferma l-inċertezza ekonomika f’pajjiżna, u li qed tiriżulta f’konsum domestiku batut. Dan minkejja li fl-2013, l-importazzjoni kienet diġà naqset sostanzjalment meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li fl-istess ħin, it-tnaqqis ta’ aktar minn 10% fl-esportazzjoni jkompli jikkonferma l-isfidi kbar li hemm fil-qasam tal-industrija, speċjalment il-manifattura, u l-intrapriżi li jiddependu mill-esportazzjoni.

Fl-istqarrija ffirmata Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco, mill-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u mill-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittività Kristy Debono, il-PN qal li dan kollu jħalli impatt fuq il-prospetti ta’ impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, fosthom l-overtime u allowances għax-shifts. Għaldaqstant, dan it-tnaqqis ikompli jxellef il-pagi tal-ħaddiema u allura tal-ispending power tal-familji Maltin u Għawdxin.

Dan qed ipoġġi wkoll pressjoni fuq is-suq tax-xogħol, li fl-aħħar sena l-Gvern irnexxielu jgħatti biss billi daħħal aktar minn 2,000 persuna jaħdmu miegħu bi spiża dejjem tikber għat-taxpayer kollu. Din hi soluzzjoni li Gvernijiet Laburisti ppruvaw iħaddmu, mingħajr suċċess, kemm-il darba fil-passat, qal il-PN.

Il-PN appella lill-Gvern biex jidentifika minnufih kif se jagħti l-appoġġ meħtieġ lis-setturi f’diffikultà, ħalli jassisti s-sostenibbiltà ta’ dawn l-intraprizi fuq medda itwal ta’ żmien, filwaqt li jrattab ir-riperkussjonijiet li dawn id-diffikultajiet qed ikollhom fuq il-pagi u l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, temmet tgħid l-istqarrija.