Lokali

Kollox lest għal seminar mill-MŻPN dwar ir-riforma fil-liġi tad-droga

Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista – l-MŻPN – se jorganizza seminar dwar il-White Paper fuq ir-Riforma fil-Liġi tad-Droga, fid-Dar Ċentrali nhar is-Sibt bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1 ta’ waranofsinhar. Il-MŻPN hi l-unika entita’ li qed twettaq dan il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-President tal-MŻPN Matthew Agius fisser kif fil-jiem li għaddew inbeda proċess ta’ konsultazzjoni dwar din ir-realta’ soċjali li tolqot liż-żgħażagħ. Għaldaqstant, f’dan is-seminar, il-Moviment se jkun qed jikkonsulta mal-esperti, kif ukoll se jkun qed jieħu nota tal-ideat espressi mill-pubbliku li jattendi.

Hu spjega li permezz ta’ dan is-seminar il-MŻPN se jġib flimkien numru ta’ esperti, numru ta’ nies tekniċi kif ukoll l-opinjoni ġenerali tal-pubbliku. Hu stieden lill-pubbliku ġenerali biex jikkonkorri nhar is-Sibt għal din id-diskussjoni li hi fil-qofol tal-proċess ta’ konsultazzjoni li qed issir mill-MŻPN.

Matthew Agius fisser kif diġa’ saru numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni l-ġimgħa li ghaddiet, fejn il-konkorrenza tal-pubbliku kienet waħda pożittiva u mistennija jsiru aktar ‘il quddiem.

Matul l-ewwel parti ta’ dan is-seminar, li jitmexxa minn Matthew Paris, se jieħdu sehem l-Avukat Roberto Montalto, Marica Mizzi mill-Caritas, Patri Franco Fenech mill-Fondazzjoni Rise u David Caruana mill-għaqda Legalise It.

Wara ssegwi intervista ma’ persuna li għadda minn esperjenza ta’ abbuż mid-droga.

It-tieni parti mbagħad se tara l-parteċipazzjoni tad-Deputati Nazzjonalisti Claudio Grech u Chris Said kif ukoll tal-kelliem ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo, tal-Ministru Owen Bonnici u tal-eks Ministru għas-Sahha Godfrey Farrugia.

Is-seminar se jintemm b’diskors mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.