L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qed tipproponi bidliet kbar fil-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Dan minħabba li din il-Liġi ilha ma tinbidel mill-2002 u fiha diversi difetti li jridu jkunu indirizzati, kif ukoll biex tirrifletti l-iżviluppi li seħħew fl-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali.
Il-President tal-MEA Arthur Muscat qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha l-MEA ressqet il-proposti tagħha dwar kif għandha tinbidel din il-Liġi. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħadu sehem ukoll id-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia u l-Uffiċjal Eżekuttiv tal-MEA responsabbli mill-Affarijiet Legali u l-Unjoni Ewropea Charlotte Camilleri.
L-MEA ressqet 19-il proposta, fosthom li fil-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali tidħol id-definizzjoni ta’ membru ta’ trejdunion u r-rikonoxximent ta’ union. L-MEA qed tipproponi wkoll li dawk li jħaddmu jridu jingħataw avviż tlett ijiem qabel isir strajk.
Proposta oħra hi li min iħaddem ikun jista’ jaqta mill-paga tal-impjegat meta ma jinħadimx il-perjodu tan-notice, meta impjegat jitlaq mix-xogħol qabel jagħlaqlu l-kuntratt, meta impjegata ma taħdimx sitt xhur xogħol wara li tkun tħallset 14-il gimgha ta’ leave tal-maternità u meta impjegat li jirriżenja jkun ħa aktar leave minn dak pro-rata.
L-MEA qed tipproponi wkoll struttura ġdida tat-Tribunal Industrijali b’Chairperson li jkollu seba’ snin esperjenza bħala Avukat u l-każi kollha jinstemgħu miċ-Chairperson u miż-żewġ membri. Proposta oħra mill-MEA hi li meta impjegat ikun assenti mix-xogħol minħabba sokor, xemxata jew korriment waqt l-isport, ma jkunx eliġibbli għal ħlas tas-sick leave minn min iħaddmu, anke jekk it-Tabib jiddikjara li ma jkunx tajjeb għax-xogħol.
L-MEA trid li ssir reviżjoni tal-COLA, jiġifieri tal-mekkaniżmu li jkejjel iż-żieda fil-paga skont l-għoli tal-ħajja ħalli dan jirrifletti wkoll il-produttività u l-effiċjenza. L-MEA issa se tressaq dawn il-proposti lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u diġà għaddiethom lill-Ministri Helena Dalli, Evarist Bartolo u Chris Cardona, li taħthom jaqgħu r-relazzjonijiet industrijali, l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) u l-industrija.
//= $special ?>