Lokali

Mill-anqas 20 ħaddiem issensjati minn kumpanija tal-iGaming

Aktar kumpaniji privati qed jintlaqtu mill-‘mannara’ tas-sensji. Issa kien imiss kumpanija tal-iżvilupp tas-software u l-online gaming li, minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com, jirriżulta li tat is-sensja lil mill-anqas 20 impjegat tagħha.

Il-kumpanija Streamlogue, li ghandha uffiċċji f’Tal-Ħandaq u fis-Swatar, hi parti minn grupp ta’ kumpaniji Awstraljani li twaqqaf fil-Filippini biex joffri servizzi ta’ gaming operations lil boutique casinos. Bħala kumpanija li fost oħrajn tispeċjalizza fl-iGaming u l-Betting, eventwalment bdiet tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ software għall-casinos. F’Malta għandha wkoll studios minn fejn titħaddem sistema HD online ta’ servizzi ta’ logħob diġitiali.

Il-kumpanija, li għandha liċenzja mill-Awtorità Maltija tal-Logħob u l-Lotteriji (LGA), jidher li għaddejja minn xi problemi u kellha tittermina l-impjieg ta’ numru ta’ ħaddiema, li kollha ġew infurmati u bħalissa għaddej proċess biex jieħdu s-salarji dovuti. Streamlogue hi mistennija tinbiegħ lil sidien ġodda u f’email mibgħuta lill-impjegati li jinsabu bin-notice, il-Management attwali wiegħed li l-impjegati se jingħataw il-ħlasijiet li għadhom dovuti lilhom ladarba jirċievu l-flus mis-sidien il-ġodda.

Id-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali qed jinżamm infurmat b’kull pass li qed jittieħed. Jidher li wħud mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja qalulhom li qed jitkeċċew għax m’hemmx bżonnhom aktar, bil-possibbiltà li l-kumpanija tiġi likwidata u s-sidien il-ġodda jerġgħu jiftħu kumpanija oħra.